STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Suċċess kbir għall-industrija tal-esports f’Malta: L-ewwel Finali ta’ BLAST Premier Bounty S2 f’pajjiżna avveniment segwit minn miljuni kbar ta’ nies minn madwar id-dinja
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, żar l-istudios tal-kumpanija internazzjonali fil-qasam tal-esports – BLAST ġewwa Ta' Qali fejn kienet qed tintlab l-ewwel finali ta' dan it-tournament f'pajjiżna. Dan l-avveniment rawh miljuni kbar ta' nies minn madwar id-dinja.
Fl-aħħar ġimgħat pajjiżna laħaq ftehim mal-kumpanija BLAST għal tliet snin li se jwassal għal disa' avvenimenti kbar jittellgħu f'pajjiżna, inkluż it-tournament li ntemm ilbieraħ. Bħala parti minn dan l-investiment f'pajjiżna, BLAST waqfu studio u ċentru ta' operazzjonijiet mifruxa fuq 1,000 metru kwadru f'Ta' Qali.
Permezz ta' BLAST, Malta qed tkompli tibni r-reputazzjoni tagħha f'dan is-settur dinamiku ġdid, u li f'allinjament mal-Viżjoni Malta 2050 joffri valur għoli u prospetti ta' karrieri b'pagi għoljin liż-żgħażagħ, filwaqt li jkompli jixpruna t-talent f'dawn l-oqsma.
Filwaqt li żar iċ-ċentru tal-operat u l-istudio ta' BLAST, kif ukoll ltaqa' mal-plejers u l-ħaddiema tekniċi ta' BLAST f'pajjiżna, il-Ministru Silvio Schembri qal, “Il-kollaborazzjoni bejn BLAST u Gaming Malta hija turija ċara tal-futur ta' pajjiżna f'dan il-qasam. Pajjiż żgħir li qed jattira ismijiet kbar. B'hekk kif għedna f'Viżjoni Malta 2050 qed inkomplu noħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna, billi ninvestu f'kollaborazzjonijiet ta' kalibru għoli, nkomplu nibnu ekonomija innovattiva, reżiljenti u kompetittiva."
Il-Kap Eżekuttiv ta' Gaming Malta Ivan Filetti żied jgħid li, “Il-preżenza ta' BLAST f'pajjiżna mhijiex biss dwar li Malta tospita tournaments kbar tal-esports. Hija dwar li npoġġu lil pajjiżna b'mod sod fuq il-mappa globali tal-esports, li nispiraw liż-żgħażagħ tagħna biex joħolmu akbar, u nuru li Malta kapaċi toffri esperjenzi tal-gaming ta' kwalità għolja filwaqt li tattira kemm talent kif ukoll investiment internazzjonali."
Robbie Douek, Kap Eżekuttiv ta' BLAST qal, “Ninsabu kuntenti li bdejna naħdmu hawn f'Malta bl-għeluq tal-BLAST Premier Bounty S2. Dan jimmarka l-bidu ta' vjaġġ ta' diversi snin għalina hawn f'Malta. Ir-riżorsi u l-investiment fl-istudio u ċ-ċentru tal-operat il-ġdid tagħna f'Ta' Qali huma turija ċara tal-impenn ta' BLAST li televa l-esports f'Malta, tinvesti fir-reġjun, u toħloq opportunitajiet għat-talent lokali. Flimkien mal-kollaboraturi tagħna Gaming Malta, inħarsu 'l quddiem li nsawru l-futur ta' Malta bħala destinazzjoni unika għall-avvenimenti tal-esports ta' kwalità għolja."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN