STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Kurt Formosa ser jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Komunità Malta
Kurt Formosa ser ikun qiegħed iservi bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Komunità Malta, l-Aġenzija li hija responsabbli biex tamministra ċ-ċittadinanza Maltija.
Dan wara li s-Sur Joseph Mizzi li fl-aħħar snin mexxa din l-aġenzija leħaq l-età tal-irtirar.
Is-Sur Formosa studja l-Università ta' Malta, f'livell ta' Masters fl-Istudji Diplomatiċi filwaqt li għandu Baċellerat fl-Istudji Ewropew. Ħadem f'oqsma relatati mal-Unjoni Ewropea b'mod partikolari f'dak li jirrigwardja immanniġġjar u kordinazzjoni ta' proġetti. Fil-kariga tiegħu f'PwC Malta, fl-aħħar snin, huwa serva bħala Manager, bil-ħidma tiegħu ffukat fuq l-aspett diġitali. B'mod partikolari fuq it-tfassil ta' strateġiji diġitali biex ikunu trasformati u aġġornati l-proċessi kemm interni u kemm esterni tal-kumpaniji. Dan filwaqt li jassigura li l-proċessi jkunu konformi mhux biss mal-liġi ta' Malta iżda wkoll ma' dik Ewropea.
Is-Sur Formosa għandu wkoll esperjenza fit-tħaddim u l-implimentazzjoni tal-Politika u l-Leġizlazzjoni Ewropea hekk kif serva fl-Malta EU Steering and Action Committee (MEUSAC), għal tmien snin. Snin li matulhom, bħala Executive u bħala Direttur, ħadem viċin is-soċjetà ċivili u kien strumentali fil-kordinazzjoni tal-politika tal-Unjon Ewropea u ta' bosta proġetti b'fondi Ewropej.
Dan fl-isfond ukoll ta' rwolu li okkupa fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA), bħala Chief Football Officer filwaqt li okkupa l-Kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni “Inħobb il-Football." Karigi li matulhom mhux biss ikkordina l-operat u l-loġistika tat-timijiet Nazzjonali u fergħat oħra assoċjati iżda kien ukoll responsabbli min-numru ta' proġetti mal-FIFA u l-UEFA.
Filwaqt li awgura lis-Sur Formosa għall-kariga ġdida tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri irringrazzja lis-Sur Joseph Mizzi tal-ħidma b'dedikazzjoni li wettaq filwaqt li tenna, li ser jibqa' jkun ta' servizz għall-istat bl-esperjenza vasta tiegħu fl-oqsma taċ-ċittadinanza ta' snin twal.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN