STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
It-Torri ta' San Tumas restawrat u miftuħ mill-ġdid bħala mużew dwar il-piraterija
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tlesti dan il-proġett ta' €3.39 miljun kofinanzjat mill-UE, f'kollaborazzjoni ma' Fondazzjoni Wirt Artna
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu lestiet proġett b'investiment ta' €3.39 miljun, kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, għar-restawr tat-Torri ta' San Tumas f'Marsaskala, hekk kif din il-fortifikazzjoni tas-seklu 17 infetħet mill-ġdid bħala mużew mgħammar bl-aħħar teknoloġiji, biex jitfa' dawl fuq l-istorja tal-piraterija u l-Corso f'Malta.
L-Erbgħa filgħaxija, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, inawguraw dan il-proġett, kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF 2014–2020) tal-Unjoni Ewropea, u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), f'kollaborazzjoni ma' Fondazzjoni Wirt Artna.
Il-Mużew tal-Corso u l-Piraterija fi ħdan it-Torri huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f'Malta ddedikat għall-istorja kumplessa tal-Mediterran dwar il-kursara u l-pirati. Fih jiġbor sekli ta' avventura, b'rakkonti ta' kursara kuraġġużi, pirati li nisslu l-biża', u battalji navali drammatiċi, fosthom meta l-Maltin iġġieldu u ħadu lura f'idejhom dan l-istess Torri waqt l-Imblokk tal-Franċiżi fl-1798. Permezz ta' installazzjonijiet multisensorjali, proġezzjonijiet fuq il-ħitan, wirjiet diġitali interattivi u teknoloġiji avvanzati oħra, dan il-mużew qed joffri esperjenza edukattiva mill-isbaħ għal viżitaturi ta' kull età – familji, studenti, u anke turisti.
“Din it-trasformazzjoni tat-Torri ta' San Tumas f'attrazzjoni kulturali tal-ogħla kwalità tiżgura l-ħarsien ta' dan il-monument nazzjonali, filwaqt li tkompli ssaħħaħ ir-rwol ta' Marsaskala bħala ċentru ta' turiżmu kulturali, li aktar ma jmur, aktar qed jikber," qal id-Deputat Prim Ministru Borg, filwaqt li spjega li “dan l-investiment ħoloq esperjenza unika oħra, li tista' titgawda matul is-sena kollha, kemm mill-viżitaturi, kif ukoll mir-residenti, u b'hekk qed jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku lokali kif ukoll id-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku tal-pajjiż, bħala parti mill-istrateġija tagħna lejn sostenibbiltà u reżiljenza fit-tul f'dan is-settur tant kruċjali."
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi faħħar dan il-proġett bħala eżempju ta' kif il-fondi Ewropej qed jiġu użati b'mod strateġiku biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-identità kulturali u l-iżvilupp reġjonali. “It-Torri ta' San Tumas mhux biss reġa' ngħata ħajja ġdida, iżda issa qed joffri lill-viżitaturi esperjenza edukattiva u kulturali unika dwar parti interessanti mill-istorja marittima ta' pajjiżna," huwa qal. Il-Ministru rringrazzja lil Fondazzjoni Wirt Artna, lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kif ukoll lid-Diviżjoni tal-Fondi u l-Programmi għall-kontribut tagħhom f'dan il-proġett.
Fost il-mistiedna waqt l-inawgurazzjoni kien hemm id-Direttur tal-Iżvilupp tal-Prodott fi ħdan l-MTA Kevin Fsadni, iċ-Chairman Eżekuttiv ta' Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia, rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta' Marsaskala, u entitajiet u kumpaniji oħra li ħadmu f'dan il-proġett.
It-Torri ta' San Tumas inbena fl-1614 bħala torri tal-għassa fortifikat, wieħed mis-sitt torrijiet tal-Gran Mastru Wignacourt mibnija mill-Kavallieri ta' San Ġwann. Il-funzjoni prinċipali tiegħu kienet li jgħasses kontra l-invażjonijiet tal-għadu u li jidħlu li jinżlu bastimenti fil-kenn tal-bajjiet ta' Marsaskala u San Tumas. B'hekk kien iħares ukoll l-irħula ewlenin fil-qrib, fosthom iż-Żejtun. It-torri huwa l-akbar wieħed tax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin, b'veduti mill-isbaħ tan-Nofsinhar tal-kosta Maltija.
Ix-xogħlijiet ta' restawr kofinanzjati mill-UE kienu jinkludu tisħiħ strutturali, tiswijiet tal-ġebel tiegħu, restawr tal-elementi arkitettoniċi oriġinali tiegħu, protezzjoni kontra l-ilma tax-xita, u interventi sensittivi sabiex titjieb l-aċċessibilità. Żewġ ċisterni li jagħmlu parti mit-torri ġew irrestawrati wkoll, għall-ħażna tal-ilma tax-xita. Il-post għandu wkoll sistemi ta' dawl LED u sistema awtomatizzata għall-kontroll tal-klima, għal iżjed effiċjenza enerġetika.
Il-Mużew tal-Corso u l-Piraterija huwa miftuħ għall-pubbliku kuljum bejn l-għaxra ta' filgħodu u l-erbgħa u nofs ta' waranofsinhar, bi żjarat iggwidati, programmi edukattivi u attivitajiet għall-familja kollha matul is-sena. Għal aktar tagħrif u għall-biljetti żur www.wirtartna.org/st-thomas-tower.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN