STQARRIJA MILL-AWTORITÀ TA' MALTA GĦALL-KOMPETIZZJONI U GĦALL-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR: Rota tat-tfal irtirata mis-suq Malti
L-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tixtieq tinforma lill-pubbliku dwar il-perikli ta' rota ta' tfal, identifikata bid-dettalji li ġejjin:
Sky Everest Venere 12 (Art. No. 2197-PP) bin-numru tal-batch D210634 – ara r-ritratt
Din ir-rota ġiet irtirata mis-suq għax wara sarulha testijiet, irriżultaw li l-handlebar jista' jinkiser minħabba saħħa mekkanika baxxa, li tista' twassal għal telf ta' kontroll u li t-tfal jaqgħu u jweġġgħu. Fost nuqqasijiet oħra, ir-rota naqset ukoll mit-test tal-prestazzjoni tal-brejkijiet ta' quddiem u ta' wara. Għaldaqstant, dan il-prodott instab li mhux konformi mar-Regolament dwar is-Sigurezza Ġenerali tal-Prodotti u lanqas mal-Istandard Ewropew EN 8098.
Dawn it-testijiet kienu parti minn proġett tal-Kummissjoni Ewropea msejjaħ CASP (Coordinated Activities on the Safety of Products) fejn kull Stat Membru parteċipant, inkluż Malta, ittestja diversi roti għat-tfal. Prodotti oħra ġew ittestjati wkoll, fosthom ġugarelli ta' slime u prodotti elettriċi.
Bħala riżultat, l-MCCAA ħadet il-proċeduri neċessarji biex tassigura li dan il-prodott jitneħħa mis-suq lokali b'effett immedjat. Il-konsumaturi li xtraw dan il-prodott għandhom jieqfu jużawh minnufih u, fejn possibbli, jirritornawh lill-bejjiegħ minn fejn xtrawh. Il-bejjiegħa huma obbligati joffru rimedju lill-konsumaturi billi jissostitwixxu l-prodott mhux konformi b'ieħor sigur tal-istess tip u tal-inqas tal-istess valur, jew jekk dan mhux possibbli, billi joffru rifużjoni sħiħa tal-ammont imħallas.
Il-konsumaturi huma mfakkra biex jiċċekkjaw il-pjattaforma Safety Gate fuq din il-link: https://ec.europa.eu/safety-gate-alerts/screen/webReport qabel jixtru prodotti, sabiex jevitaw xiri ta' prodotti li diġà ġew irtirati mis-suq.
Għal mistoqsijiet relatati mal-prodott irtirat mis-suq, wieħed jista' jikkuntattja d-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt.
Għal mistoqsijiet relatati mar-rimedji tal-prodott irtirat mis-suq, wieħed jista' jikkuntattja l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fuq consumer.rights@mccaa.org.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN