STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Imġedda l-iskema ‘Nikru Biex Nassistu’, b’investiment li s'issa jlaħħaq madwar €38 miljun
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar it-tiġdid tal-iskema 'Nikru Biex Nassistu'; skema li taħseb biex proprjetajiet privati jinkrew lill-Awtorità tad-Djar sabiex jintużaw bħala akkomodazzjoni soċjali.
Bħalissa taħt din l-iskema hemm aktar minn 1,300 familja li qed jgħixu fi proprjetajiet li jaqgħu taħt din l-iskema.
Dettalji dwar it-tiġdid tal-iskema ngħataw f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes li qal li 'Nikru Biex Nassistu' hija waħda mill-iskemi u inizjattivi tal-Gvern fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru Galdes fakkar li sidien li jikru proprjetajiet lill-Awtorità tad-Djar taħt din l-iskema, se jibqgħu jkollhom kera garantita, ħlas tal-kera bil-quddiem kull sitt xhur u eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kera. Il-kuntratt tal-kirja tal-proprjetà jkun jgħodd għal għaxar snin.
Huwa ħeġġeġ lis-sidien ta' proprjetajiet sabiex jissieħbu mal-Gvern biex l-iskema tkompli tinfirex aktar għal benefiċċju ta' dawk li huma eliġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali, kif ukoll għas-sidien infushom b'kera li toffri serħan il-moħħ.
Il-Ministru Galdes qal li mat-tiġdid tal-iskema qed tiddaħħal ukoll innovazzjoni li taħseb biex inkwilini li qegħdin bil-kera fi proprjetà privata u jinsabu fuq il-lista ta' stennija tal-Awtorità tad-Djar iħeġġu lis-sidien biex dawn jidħlu fl-iskema 'Nikru Biex Nassistu'.
“Fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena fuq l-iskema 'Nikru Biex Nassistu,' l-Awtorità tad-Djar diġà investiet aktar minn €5 miljun f'kirjiet li ngħataw lis-sidien li krewlha proprjetà għal għanijiet soċjali. Mit-tnedija tal-iskema fl-2017 sal-lum in-nefqa kienet ta' madwar €38 miljun," stqarr il-Ministru Galdes.
Huwa qal li l-iskema hija waħda mill-għodod innovattivi li qed jintużaw sabiex tiġi indirizzata l-lista ta' stennija, tant li fl-aħħar 8 snin il-lista ta' stennija tnaqqset kważi bin-nofs.
Il-Ministru Galdes temm jgħid li t-tiġdid tal-iskema turi l-impenn tal-Gvern lejn il-benesseri soċjali u anke tagħraf is-sħubija siewja li teżisti bejn is-settur pubbliku u dak privat f'dan il-qasam.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa sostna li permezz tal-iskema 'Nikru biex Nassistu', l-Awtorità qed tiddiversifika l-akkomodazzjoni soċjali b'sensittività lejn ir-realtajiet tal-familji billi toffri mhux biss saqaf, imma wkoll stabbiltà u rabta mal-komunità li fiha trabbew.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN