STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg jiltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Estonja Tsahkna, f’Tallinn
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, iltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Estonja, Margus Tsahkna, waqt żjara f’Tallinn, il-Ġimgħa waranofsinhar.
Iż-żewġ ministri ddiskutew inizjattivi bilaterali li għaddejjin bejn iż-żewġ pajjiżi, opportunitajiet għal kooperazzjoni kummerċjali, is-sigurtà reġjonali, kif ukoll temi oħra tal-Unjoni Ewropea ta’ interess għaż-żewġ naħat.
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-Sigurtà tal-Cables kien fost it-temi ewlenin fl-aġenda tal-laqgħa. Il-ministri qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar l-importanza strateġika tal-cables sottomarini, hekk kif iż-żewġ pajjiżi jiddependu minnhom għal diversi servizzi essenzjali. Dr Borg irrikonoxxa l-ħidma importanti li qed issir biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-infrastruttura fil-Baħar Baltiku, anke fid-dawl ta’ inċidenti riċenti li komplew jitfgħu dawl fuq il-vulnerabilità ta’ dawn is-sistemi kritiċi.
Malta wkoll esperjenzat inċidenti simili fis-snin li għaddew. “Qed naħdmu biex niżguraw li l-Mediterran jirċievi attenzjoni strateġika b’mod simili fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni,” qal Dr Borg, filwaqt li żied li Malta qed tesplora inizjattivi biex ittejjeb ir-reżiljenza tal-infrastruttura marittima fil-Mediterran, b’potenzjal għal aktar kooperazzjoni mal-pajjiżi Baltiċi u żoni marittimi oħra fis-snin li ġejjin.
“Lil hinn mill-miżuri militari, l-istrateġija tas-sigurtà tal-UE trid ukoll tagħti prijorità lir-reżiljenza soċjali, is-sigurtà ċibernetika u l-ħarsien tal-infrastruttura kritika, biex niżguraw ir-reżiljenza ta’ servizzi kruċjali bħas-saħħa, it-trasport, l-ilma, it-telekomunikazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika, anke fi żminijiet ta’ kriżi,” huwa stqarr.
F’Tallinn, Dr Borg kellu wkoll taħditiet mal-Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet Diġitali, Liisa-Ly Pakosta. Hawnhekk, faħħar it-tmexxija tal-Estonja fit-trasformazzjoni diġitali, u s-servizzi governattivi diġitali tagħha f’diversi oqsma, fosthom is-saħħa u l-ġustizzja, li għandhom fama mondjali. Enfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kollaborazzjoni eqreb fuq is-sigurtà ċibernetika, kemm b’mod bilaterali, kif ukoll fil-livell tal-UE, u permezz ta’ organizzazzjonijiet reġjonali oħra.
Iż-żewġ ministri tkellmu wkoll dwar il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa u l-impenn tagħha lejn il-ġustizzja u l-kontabilità għall-Ukrajna. Huma rrikonoxxew it-Tribunal Speċjali dwar ir-Reat ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, li twaqqaf f’Ġunju li għadda, bħala pass deċiżiv ‘il quddiem. Il-Ministru Pakosta esprimiet l-apprezzament tal-Estonja għall-irwol tal-Presidenza Maltija fil-ħidma lejn dan l-iżvilupp storiku.
Wara l-laqgħat bilaterali, Dr Borg żar il-mafkar għall-vittmi tal-ħakma komunista fl-Estonja bejn l-1940 u l-1991, hekk kif sellem lill-eluf ta’ vittmi li isimhom jinsab mnaqqax fuq il-ħitan tiegħu.
Fl-Estonja, id-Deputat Prim Ministru Malti żar ukoll iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Kooperazzjoni tad-Difiża Ċibernetika tan-NATO (CCDCOE), post ta’ riċerka u taħriġ multidixxiplinarju fid-difiża ċibernetika, biex isir jaf aktar dwar l-operat tiegħu, b’mod speċjali dwar il-kooperazzjoni li għaddejja mal-awtoritajiet Maltin fis-sigurtà ċibernetika.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN