STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Imħabbra l-proposti tal-Gvern dwar il-Miscarriage Leave
Sebat ijiem leave konsekuttivi mħallsa mill-Gvern għal nisa li jkorru u għall-partner tagħhom – se jiġi offrut ukoll appoġġ psikoloġiku lill-koppja
F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, ippreżenta l-proposti tal-Gvern b'rabta mal-Miscarriage Leave.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-leave għal nisa li jkorru qabel 22 ġimgħa ta' tqala hu propost li jkun ta' sebat ijiem konsekuttivi. Il-leave se jitħallas kollu kemm hu mill-Gvern sabiex ma ssirx pressjoni finanzjarja fuq min iħaddem.
Il-ħlas tal-leave se jkun ibbażat fuq il-median wage, li tammonta għal ftit aktar mid-doppju tal-paga minima nazzjonali.
Is-segretarju parlamentari żied jispjega li dan il-leave mhux se jkun qed japplika biss għall-mara, iżda wkoll għall-partner tagħha b'mod ugwali, inkluż f'koppji tal-istess sess.
Il-leave se jkun japplika kemm għall-ħaddiema fis-servizz u s-settur pubbliku, u anke għal dawk li jaħdmu fil-privat. Se japplika wkoll għall-ħaddiema tal-aġenziji tal-impjieg u għas-self-employed, li wkoll se jkunu qed jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet. Ħaddiema part-time se jkunu qed jingħataw leave ukoll, iżda fuq bażi pro-rata.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul kompla jispjega li biex il-mara tapplika għall-Miscarriage Leave, għandha bżonn biss ċertifikat mediku mingħand il-ġinekologu tagħha, u li mhux neċessarju li fiċ-ċertifikat jiġu inklużi dettalji dwar il-każ. L-istess ċertifikat jista' jintuża mill-partner tal-mara biex japplika jew tapplika għall-istess leave.
Dr Ellul żied jgħid li l-privatezza hija kruċjali. Għalhekk se jitnedew linji gwida apposta sabiex min iħaddem ikollu mudell kif għandu jittratta dawn il-każijiet b'rispett, dinjità u kunfidenzjalità. Żied jgħid li l-ħaddiema li jagħmlu użu minn dan il-leave se jkollhom id-dritt li jirritornaw lura fl-irwol tagħhom, mingħajr preġudizzju jew telf ta' kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol. Se jkunu eliġibbli wkoll għal-leave anke jekk ma jkunux infurmaw lill-post tax-xogħol tagħhom bit-tqala.
Il-Gvern jirrikonoxxi li apparti t-trawma fiżika, meta jseħħ korriment il-koppja tgħaddi wkoll minn trawma psikoloġika. Għalhekk dawn se jiġu offruti appoġġ u għajnuna psikoloġika sabiex jibdew itaffu parti mit-trawma li jkunu għaddejjin minnha.
Fl-aħħar nett, is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li se jkun qed jitwaqqaf reġistru nazzjonali anonimu li se jissorvelja t-teħid ta' dan il-leave. Dan bil-għan li l-Gvern ikollu f'idu figuri reali li permezz tagħhom, jekk jinħass il-bżonn, ikun jista' jkompli jibni fuq din il-miżura.
Dr Ellul spjega illi dan kollu wasal wara konsultazzjoni pubblika wiesa' li saret. Fost oħrajn, ittellgħu konferenzi nazzjonali li matulhom semmgħu leħinhom esperti mediċi, ħaddiema, min iħaddem, familji, u iktar importanti minn hekk, persuni li għaddew minn din it-trawma.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul temm jgħid li t-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza l-pajjiż qed iwassal sabiex jitwettqu miżuri ta' dan it-tip favur il-ġustizzja soċjali. Miżura li se sservi ta' appoġġ emozzjonali u anke finanzjarju għall-koppji. Hija xhieda wkoll tal-valuri soċjali tal-Gvern, li jrid imexxi 'l quddiem pajjiż fejn il-liġijiet jirriflettu l-ħajja u s-sitwazzjonijiet reali ta' kuljum, u li l-irkupru minn sitwazzjonijiet delikati bħal dawn għandhom posthom imnaqqax fid-dinja tax-xogħol.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN