STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Avveniment internazzjonali prestiġjuż ieħor f’pajjiżna – il-Commonwealth Youth Games 2027
Illum tħabbar uffiċjalment li Malta se tospita l-Commonwealth Youth Games (CYG) tal-2027, f’mument storiku għall-pajjiżna u għall-komunità sportiva kollha. Dan sar magħruf waqt ċerimonja f’Malta li matulha kien iffirmat il-ftehim għal dan il-għan. Għal din iċ-ċerimonja attenda l-President ta’ Commonwealth Sport, Dr Donald Rukare, li ngħaqad mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-President ta’ Commonwealth Sport Malta, Julian Pace Bonello.
It-8 edizzjoni tal-Logħob, Malta 2027, se ssir madwar Malta u Għawdex, u se tilqa’ madwar 1,150 atleta ta’ bejn l-14 u t-18-il sena minn 74 pajjiż u territorju tal-Commonwealth. L-avveniment se jinkludi tmien dixxiplini sportivi: Għawm u Para-Għawm, Atletika u Para-Atletika, Netball, Squash, Triathlon, Weightlifting, u għall-ewwel darba fl-istorja tal-CYG, Ibburdjar u Water Polo.
Minbarra l-logħob fid-dixxiplini sportivi, l-avveniment jinkludi wkoll Programm Kulturali u Edukattiv dinamiku, b’enfasi fuq is-sostenibbiltà, l-youth empowerment, u l-wirt kulturali Malti. Dan l-avveniment prestiġjuż se jpoġġi lil pajjiżna fiċ-ċentru sportiv, filwaqt li jkompli jsaħħaħ it-turiżmu fis-settur.
Il-Ministru Clifton Grima kkonferma mill-ġdid l-impenn tal-Gvern lejn l-appoġġ tal-isport bħala għodda ta’ żvilupp. “Malta 2027 hija xhieda tal-ambizzjoni dejjem tikber u l-kapaċità li għandu pajjiżna fid-dinja tal-isport. L-organizzazzjoni u li nospitaw il-Commonwealth Youth Games mhumiex biss unur, huwa investiment fiż-żgħażagħ tagħna, fil-komunitajiet tagħna, u fl-istima internazzjonali tagħna. Dawn il-Logħob se jispiraw ġenerazzjoni, juru t-talent u l-ospitalità Maltija, u se jħallu wirt li jmur lil hinn mill-isport.” Il-Ministru Grima sostna wkoll li dan l-avveniment f’pajjiżna se jsir f’mument fejn l-isport lokali u l-parteċipazzjoni ta’ atleti u sportivi lokali f’avvenimenti internazzjonali qed jiksbu suċċess dejjem akbar.
Dr Donald Rukare, President ta’ Commonwealth Sport, stqarr: “Aħna eċitati li se nwasslu l-Commonwealth Youth Games f’Malta fl-2027 u nirringrazzjaw lil Commonwealth Sport Malta kif ukoll lill-Gvern ta’ Malta għall-impenn u l-viżjoni tagħhom. Il-proposta ffukata fuq l-atleti, il-faċilitajiet ta’ klassi dinjija, u l-esperjenza ta’ Malta biex tospita avvenimenti internazzjonali jagħmluha pajjiż ideali. Il-Commonwealth Youth Games huma aktar minn ċelebrazzjoni tal-isport; huma esperjenza trasformattiva għall-atleti żgħażagħ. Dawk li jikkompetu huma l-istilel ta’ għada u l-vuċi ta’ llum - bidla vera li se tfassal il-futur tal-Moviment tagħna”.
Julian Pace Bonello, President ta’ Commonwealth Sport Malta, iddeskriva l-Logħob bħala opportunità unika għal Malta. “Malta 2027 se tkun ċelebrazzjoni ta’ għaqda, ta’ żgħożija u eċċellenza. Din hija viżjoni fit-tul li tmur lil hinn minn avveniment wieħed. Hija dwar il-bini ta’ wirt fil-parteċipazzjoni sportiva, l-iżvilupp tal-atleti u r-rikonoxximent internazzjonali. L-atleti żgħażagħ tagħna se jkollhom opportunità biex jikkompetu f’pajjiżhom stess, u jispiraw ġenerazzjoni sħiħa. Kuntenti ferm li ngħatajna l-fiduċja biex nospitaw dan l-avveniment prestiġjuż. Nirringrazzjaw lil Commonwealth Sport għall-fiduċja tagħhom, u lill-Gvern ta’ Malta għall-appoġġ sod tagħhom.”
Il-Commonwealth Youth Games għandhom storja prestiġjuża li raw il-bidu tal-karrieri ta’ stilel internazzjonali bħall-Kirani James (Atletika), Chad le Clos (Għawm), Jessica Ennis (Atletika), u Beth Tweddle (Ġinnastika Artistika). Malta issa tingħaqad ma’ dan il-wirt, u se toffri liż-żgħażagħ tagħha pjattaforma eċċezzjonali għall-aspirazzjonijiet sportivi tagħhom.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN