STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Il-Gvern b’għajnuna finanzjarja lin-naħħala Maltin u Għawdxin
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar l-ftuħ ta’ applikazzjonijiet għal skema finanzjarja u miżuri mmirati lejn in-naħħala Maltin u Għawdxin. Din l-iskema hija kofinanzjata minn fondi Ewropej u fondi nazzjonali.
Il-Ministru Refalo saħaq li, “Il-Gvern jibqa’ kommess li jsaħħaħ is-settur tan-naħħala bħala parti essenzjali mill-biedja u l-ambjent Malti. Dawn il-fondi mhumiex biss investiment fl-għasel ta’ kwalità, imma wkoll fl-ekosistema tagħna u fil-bijodiversità li fuqha tiddependi l-ħajja rurali tagħna.”
L-għan ta’ din l-iskema huwa li tkompli tissaħħaħ il-kwalità tal-għasel Malti u hija xhieda wkoll tal-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja lis-settur tan-naħħala b’mezzi konkreti. Dan se jsir permezz ta’ azzjonijiet li jiffaċilitaw l-informazzjoni u l-għarfien tekniku, il-kontroll tal-mard, u appoġġ għall-metodi ta’ produzzjoni u kontroll tal-kwalità.
Il-miżuri se jgħinu lin-naħħala jnaqqsu ċerti spejjeż u jtejbu l-potenzjal kummerċjali tal-prodotti tagħhom. Barra minn hekk, dan is-settur għandu rwol ekoloġiku importanti, billi joffri servizzi ta’ pollinazzjoni lill-pjanti selvaġġi kif ukoll lill-bdiewa.
L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati bejn it-28 ta’ Lulju u l-14 ta’ Awwissu 2025 għand l- Agriculture and Rural Payments Agency (ARPA) fil-Pitkali Markets, jew fl-Uffiċċju f’Għawdex fil-Government Experimental Farm. Il-linji gwida diġà ġew mibgħuta lin-naħħala rreġistrati u lill-għaqdiet tagħhom. Matul dan il-proċess, in-naħħala jistgħu jiksbu assistenza mingħand l-ARPA.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN