STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Inawgurat ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal-Kirkop bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej
Il-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Kirkop issa tidher fl-aqwa tagħha wara li tlesta b'suċċess proġett estensiv ta' restawr fuq il-faċċata prinċipali u l-ġnubijiet, il-koppli u l-kampnari. Dan il-proġett li sar b'investiment ta' madwar €100,000 b'kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u mill-Isqof Awżiljarju ta' Malta, Mons. Joseph Galea Curmi.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta' Malta, Michael Pace Ross u l-Kappillan Dun Martin Cardona, is-Sindku ta' Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit, kif ukoll residenti Koppin.
Permezz ta' dan ix-xogħol ta' konservazzjoni, li għalih ikkontribwixxew ukoll il-parruċċani, il-ġebla Maltija tnaddfet u tbiddel ukoll il-ġebel immermer. Il-proġett sar skont il-prinċipji ta' konservazzjoni kurrenti li jirrispettaw mhux biss l-integrità strutturali tal-binja iżda wkoll il-kwalitajiet estetiċi tagħha bħala l-qalba tal-identità tal-komunità.
Waqt l-inawgurazzjoni ta' dan il-proġett, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza l-valur ta' dan il-proġett bħala eżempju ċar ta' kif il-fondi Ewropej jistgħu jilħqu l-komunitajiet u jservu l-wirt u l-valuri tagħna.
“Dan hu investiment fil-wirt tagħna, fl-identità tagħna, fil-qalba tar-raħal ta' Ħal Kirkop. Proġetti bħal dawn jagħmlu differenza vera fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna u bħala Gvern, se nibqgħu naħdmu biex fondi bħal dawn jibqgħu jiġu investiti b'għan wieħed, li nagħtu lura lill-poplu dak li jixraqlu u li huwa meħtieġ. Dan il-proġett hu xhieda ta' kif l-għaqda bejn il-parroċċa, il-Kurja u l-Istat tista' twassal għal riżultati sbieħ li jservu lill-komunità kollha," qal il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-ministru rringrazzja wkoll lill-Kappillan Dun Martin Cardona għall-appoġġ u d-determinazzjoni tiegħu tul il-proċess kollu, lill-Kurja, b'mod partikolari lil Michael Pace Ross, kif ukoll lill-kuntrattur li wettaq ix-xogħol b'dedikazzjoni u professjonalità.
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li l-Knisja f'Malta tieħu b'serjetà kbira l-ħarsien tal-patrimonju u kontinwament tħeġġeġ lill-poplu jgħożż il-patrimonju kulturali Kattoliku. Kompla li dan il-proġett ta' konservazzjoni se jservi ta' ġid għal kulħadd u se jibqa' jitgawda anke mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta' Malta Michael Pace Ross qal li permezz ta' dan il-proġett ta' konservazzjoni, il-bini tal-knisja parrokkjali reġa' ħa l-ħajja u tispikka l-ġebla Maltija li ssebbaħ misraħ tipikament ta' raħal Malti. Saħaq li dan ir-restawr ma kienx ikun possibbli mingħajr fondi Ewropej, fondi nazzjonali kif ukoll mingħajr donazzjonijiet ta' benefatturi u parruċċani Koppin. Hu rringrazzja wkoll lill-kumpanija Pisani Restoration għax-xogħlijiet ta' konservazzjoni u restawr, kif ukoll lill-EMCS għas-servizz ta' konsulenza.
Il-Knisja ta' San Leonardu nbniet fis-seklu 16 iżda ġiet imkabbra fl-1706, hekk kif tgħid l-iskrizzjoni li tinsab fuq il-faċċata prinċipali tal-knisja. Il-pittura titulari, tal-artist Malti Rocco Buhagiar, turi lil San Leonardu liebes l-abitu tal-Ordni Benedittin, bħala l-patrun tal-priġunieri. F'din il-knisja nsibu l-fdalijiet ta' San Benedittu Martri, li ngħataw lill-parroċċa fl-1790 mill-Papa Piju VI fuq talba ta' Dun Giuseppe Maria Callus.
Din hi waħda minn għadd ta' knejjes f'Malta li qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2023.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN