STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta tilqa’ d-deċiżjoni storika tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar il-bidla fil-klima
Konferma tal-kontribuzzjonijiet kruċjali ta' Malta għall-multilateraliżmu – id-Deputat Prim Ministru Borg
Malta tilqa' l-opinjoni konsultattiva storika li tħabbret l-Erbgħa filgħaxija mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ICJ), li tikkonferma li l-bidla fil-klima hija “tema li tikkonċerna b'mod ugwali lill-bnedmin kollha", filwaqt li tenfasizza l-obbligi legali tal-istati biex jevitaw ħsara ambjentali, jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, u jħaddnu r-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi internazzjonali, quddiem il-kriżi klimatika.
Malta kienet fost 132 stat membru tan-Nazzjonijiet Magħquda li taw l-appoġġ tagħhom lir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda A/RES/77/276 f'Marzu 2023. Din ir-riżoluzzjoni, li nedew Vanuatu u stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS) oħra, talbet l-opinjoni konsultattiva mill-ICJ li eventwalment tħabbret l-Erbgħa filgħaxija.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, faħħar id-deċiżjoni bħala mument deċiżiv li jikkonferma mill-ġdid is-sehem importanti ta' Malta fid-diplomazija klimatika u fil-liġi internazzjonali, f'dawn l-aħħar tletin sena.
“Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddikjarat dak li Malta ilha tisħaq dwaru – il-bidla fil-klima hija tema li tikkonċerna b'mod ugwali lill-bnedmin kollha. Il-ħarsien ta' dak kollu li naqsmu flimkien b'mod globali jeħtieġ koperazzjoni multilaterali msejsa fuq is-saltna tad-dritt. Din hija rebħa għall-futur tagħna," Dr Borg stqarr.
Filwaqt li l-opinjoni tal-ICJ hija konsultattiva, fl-istess waqt għandha awtorità morali u legali sinifikanti. Tikkonferma li l-istati huma marbuta b'obligazzjonijiet skont trattati u liġijiet internazzjonali sabiex inaqqsu l-emissjonijiet, jikkoperaw fuq livell internazzjonali u jħarsu d-drittijiet tal-bniedem. Din l-opinjoni mistennija li tinfluwenza n-negozjati globali dwar il-klima, kif ukoll il-politika nazzjonali ta' pajjiżi differenti, u anke fi kwistjonijiet legali futuri relatati mal-klima.
Din hija t-tieni darba li l-ICJ sostniet l-isforzi ta' Malta dwar il-bidla fil-klima. Fl-1988, Malta kienet ressqet proposta quddiem is-Sitt Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda li wasslet għall-adozzjoni unanima tar-Riżoluzzjoni 43/53, Il-Protezzjoni tal-Klima Globali għall-Ġenerazzjonijiet Preżenti u Futuri tal-Bnedmin. Din ir-riżoluzzjoni għarfet formalment li l-bidla fil-klima bħala tema komuni li tikkonċerna lill-bnedmin kollha, u stabbilixxiet il-prinċipju fundamentali li s-sistema klimatika globali hija riżorsa komuni li teħtieġ li tiġi mħarsa b'mod kollettiv. Malta kienet enfasizzat li l-obbligi biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima huma erga omnes – li jorbtu lill-istati kollha skont il-liġi internazzjonali. Dawn il-prinċipji issa ġew ikkonfermati mill-ICJ permezz tal-opinjoni konsultattiva tagħha nhar l-Erbgħa.
Bħala stat gżira, Malta b'mod konsistenti saħqet dwar il-ħtieġa ta' strutturi legali u politiċi aktar b'saħħithom biex jiġu indirizzati theddidiet relatati mas-sigurtà klimatika.
Matul il-Presidenza tagħha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda fi Frar 2023, Malta ppresediet dibattitu ministerjali dwar iż-żieda fil-livell tal-baħar u l-implikazzjonijiet ta' dan il-fenomenu għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Dan id-dibattitu enfasizza lakuni legali kritiċi fil-liġijiet internazzjonali b'rabta ma' theddid klimatiku għall-paċi u s-sigurtà, kif ukoll ir-riskji urġenti u eżistenzjali li jiffaċċjaw l-istati gżejjer. L-opinjoni tal-ICJ din il-ġimgħa qed tappoġġja dawn l-istess kunsiderazzjonijiet legali li Malta kienet ressqet f'dik id-diskussjoni.
Is-SIDS huma partikolarment vulnerabbli għat-theddid ikkawżat mill-bidla fil-klima, u dwar dan Malta ħadmet ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet oħrajn sabiex żviluppat l-Indiċi tal-Vulnerabbiltà u r-Reżiljenza Klimatika (CVRI), li jgħin sabiex jonqsu l-vulnerabiltajiet u tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-SIDS.
“Hekk kif niċċelebraw l-10 anniversarju tal-Ftehim ta' Pariġi, Malta tikkonferma mill-ġdid l-impenn tagħha għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dan il-qafas multilaterali, għat-tisħiħ tal-impenn klimatiku, u għall-ħarsien kollettiv tad-dinja tagħna għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri," temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN