STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Ir-riċerkaturi jikkontribwixxu lejn il-proċess ta’ konsultazzjoni għal Viżjoni Malta 2050 permezz tal-avveniment Science Meets Policy
L-avveniment Science Meets Policy li ttella’ f’Villa Bighi, immarka pass importanti fil-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa għall-Viżjoni Malta 2050. L-avveniment laqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati ewlenin mill-komunità tar-riċerka u x-xjenza ma’ dawk li jfasslu l-politika biex jiddiskutu r-rwol ċentrali tar-riċerka u l-innovazzjoni fit-tiswir tal-futur ta’ Malta.
Dan l-avveniment offra l-opportunità lir-riċerkaturi u dawk li jfasslu l-politika biex jikkollaboraw u jikkonsultaw flimkien dwar il-Viżjoni Malta 2050 li se tiżgura li Malta tibqa’ reżiljenti, innovattiva, u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Fl-intervent tiegħu waqt dan l-avveniment, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti sostna, “Dan l-avveniment jimmarka pass ieħor ’il quddiem fil-konsultazzjoni li qed issir bħalissa dwar il-Viżjoni Malta 2050. Ir-riċerka u l-innovazzjoni mhumiex biss għodod, dawn huma l-pedament li fuqu se nibnu futur sostenibbli u reżiljenti għal Malta. Dan l-avveniment huwa dwar it-trasformazzjoni tal-ideat f’azzjoni u permezz ta’ kollaborazzjoni strateġika u tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza, se niżguraw Malta b’saħħitha għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Matthew Vella enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn ix-xjenza u t-tfassil tal-politika. “Hekk kif inħarsu lejn l-2050, soluzzjonijiet dejjiema se jiddependu wkoll fuq governanza bbażata fuq l-evidenza li twassalna biex nindirizzaw sfidi bħal ir-reżiljenza għall-klima, it-trasformazzjoni diġitali, fost oħrajn.”
Dr Jonathan Spiteri, mit-tim tal-Viżjoni Malta 2050, ippreżenta l-pilastri tal-Viżjoni u rrimarka li, “Il-pilastri juru impenn biex intejbu s-soċjetà u l-ekonomija tagħna u għalhekk irridu nagħtu spinta ’l quddiem fejn tidħol riċerka u innovazzjoni. Illum smajna mingħand ir-riċerkaturi b’mod dirett, is-suċċessi tagħhom u wkoll l-isfidi li jsibu, li ilhom jiġu ndirizzati u se jibqgħu jiġu ndirizzati aktar u aktar bl-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050.”
L-avveniment kien jinkludi wkoll panel discussion fejn esperti u stakeholders esploraw ir-rwol tal-policies immexxija mir-riċerka fl-appoġġ tat-tkabbir ekonomiku u soċjali ta’ Malta. Is-sessjoni enfasizzat l-importanza ta’ governanza bbażata fuq l-evidenza biex jiġi żgurat il-progress ta’ Malta fid-deċennji li ġejjin.
Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Viżjoni Malta 2050 hija miftuħa sad-9 ta’ Settembru u wieħed jista’ jissottometti l-kummenti fuq is-sit envision2050.gov.mt
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN