STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Follow-up Audit Reports, Publication 2025 issued by the National Audit Office
Għad-disa' sena konsekuttiva, l-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, l-ewwel volum b'ġabra ta' għaxar rapporti ta' segwitu għas-sena 2025.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) għal darb'oħra identifika numru ta' verifiki li saru fl-aħħar snin bl-iskop li jevalwa jekk ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi ġewx implimentati. Naturalment, kif inhu mistenni, kull istituzzjoni nazzjonali tal-verifika għandha jkollha mekkaniżmu li jassigura li r-rakkomandazzjonijiet jitwettqu fi żmien raġonevoli, sabiex dan iwassal għal titjib fil-governanza.
Sabiex ikun iddeterminat jekk sarx progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, saret analiżi ta' dawn il-verifiki ta' natura Finanzjarja u ta' Konformità f'dawn l-oqsma:
- Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi
- Dħul tal-Kunsilli Lokali
- Pensjonijiet tar-Romol
- Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità
- Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar
- Pilastri tal-iċċarġjar tal-Vetturi Elettriċi
- L-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta' Malta – Dwana
- L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
- L-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati
- L-Awtorità għat-Trasport f'Malta
L-eżerċizzju li sar din is-sena jindika li prattikament 80% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali li ġew analizzati kienu indirizzati b'mod sħiħ, parzjalment, jew qegħdin fi proċess avvanzat li jiġu mwettqa mill-entitajiet ikkonċernati. Ir-Rapport juri wkoll il-persentaġġ ta' rakkomandazzjonijiet implimentati għal kull wieħed mill-għaxar verifiki imsemmija.
Din il-pubblikazzjoni hi aċċessibbli minn fuq is-sit uffiċjali tal-NAO nao.gov.mt jew mill-paġna tal-Facebook tal-Uffiċċju www.facebook.com/NAOMalta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN