Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Tliet sottomissjonijiet għall-konċessjoni tal-ewwel offshore windfarm f’pajjiżna

PR251320
Date Icon 22/07/2025

Wara li ġiet konkluża l-fażi tas-sottomissjonijiet għall-Preliminary Qualification Questionnaire (PQQ) marbuta mal-ewwel konċessjoni tal-offshore windfarm f’Malta, ġew ippreżentati tliet sottomissjonijiet. Il-PQQ, li tnediet f’Diċembru tas-sena li għaddiet, timmarka pass importanti fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett ta’ importanza nazzjonali fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli.

“Dan huwa pass importanti ’l quddiem għall-proġett u sinjal ċar li l-proċess issa verament beda. Dak li darba kien inizjattiva esploratorja issa daħal f’fażi strutturata,” qalet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli. 

Malta qed tagħmel pass storiku fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli offshore permezz tal-iżvilupp tal-ewwel floating wind farm tagħha. Il-proġett, li se jiġi mogħti permezz ta’ Proċess ta’ Djalogu Kompetittiv, jinkludi d-disinn, il-kostruzzjoni, l-operat, u d-dekummissjonar ta’ wind farm li se jkun jinsab lil hinn mill-ibħra territorjali ta’ Malta, f’żona li se tiġi ddikjarata bħala parti miż-Żona Ekonomika Esklussiva (EEZ) tal-pajjiż. B’kapaċità installata ta’ madwar 300MW, il-proġett jinkludi wkoll l-operat u manutenzjoni ta’ offshore substation u export cable system, li ser ikun tal-Gvern. L-elettriku li jiġi ġġenerat se jiġi miżjud fis-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli ta’ Malta.

L-Inġinier Ismail D’Amato, Kap Eżekuttiv ta’ InterConnect Malta, irrimarka, “L-impenn ta’ Malta biex issaħħaħ il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli indiġena wasal f’pass sinifikanti ’l quddiem hekk kif qegħdin nimxu għall-fażi li jmiss ta’ din il-proċedura kompetittiva. Dan il-proġett jirrappreżenta pass importanti għas-settur tal-enerġija f’Malta, billi jdaħħal diversifikazzjoni fil-portafoll nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli. Dan huwa punt ewlieni mill-Pjan Nazzjonali ta’ Malta għall-Enerġija u l-Klima (NECP), li jiddeskrivi t-tranżizzjoni strateġika lejn taħlita ta’ enerġija sostenibbli u dekarbonizzata.”

Is-sottomissjonijiet li waslu bħala parti mill-PQQ juru interess qawwi kemm mill-parteċipanti Maltin kif ukoll minn oħrajn fir-reġjun:

• Code Zero Consortium – immexxi minn SEP (Malta) Holding Ltd, flimkien ma’ Kornelio Energy 1 Limited, M. Demajo (Holdings) Limited, u NMK Renewables Limited.

• Atlas Med Wind – immexxi minn GreenIT SpA (Italja), f’kollaborazzjoni ma’ Seatrans Shipping Ltd, Central European Advisors Limited, u CI V Transfer Coöperatief U.A.

• MCKEDRIK Sole Member Ltd – applikant individwali bbażat il-Greċja.

Bħalissa għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet. Kif stipulat fil-PQQ, din il-fażi tiffoka fuq il-verifika tal-konformità, il-kapaċità teknika u dik finanzjarja. F’dan l-istadju, ma kienx meħtieġ li jiġu ppreżentati offerti finanzjarji; informazzjoni dwar il-prezz se tiġi mitluba f’fażi aktar tard mill-kandidati li jkunu kkwalifikaw biex jimxu ’l quddiem.

Is-sottomissjonijiet jinkludu dokumentazzjoni estensiva. Minkejja l-volum ta’ informazzjoni li trid tiġi evalwata, il-prijorità tal-Awtorità Kontrattwali hija li twettaq din l-evalwazzjoni bir-reqqa. Il-pjan attwali hu li l-kandidati li jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss jiġu infurmati sal-ewwel parti tas-sena d-dieħla.

Fl-istess ħin, InterConnect Malta qed taħdem ukoll fuq l-iżvilupp tal-kriterji tekniċi u finanzjarji li se jiġu kondiviżi mal-kandidati li jgħaddu din il-fażi u li jagħżlu li jkomplu fil-proċess.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow