STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI L-Istate of Conservation Report tal-Belt Valletta aċċettat mill-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO
Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali jinnota b’dispjaċir li l-Oppożizzjoni, anke fejn tidħol il-Belt Valletta, għażlet li tuża t-triq tal-allarm u, fid-dagħdigħa tan-negattiviżmu, waslet biex anke tallega li t-titlu tal-Belt Valletta bħala Wirt Dinji skont il-UNESCO qiegħed f’riskju li jintilef – xi ħaġa li l-UNESCO fir-rapport tagħha ma qalitx.
Irid jiġi spjegat li l-Istate of Conservation Report tal-Belt Valletta kien wieħed minn 248 rapport evalwat mis-47 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li nżamm fuq 11-il ġurnata f’Pariġi bejn is-6 u s-16 ta’ Lulju.
Dan ir-rapport kien ġie mitlub fl-2023, u aġġornament għalih fl-2024. Dan, imħejji mis-Site Manager tal-Belt Valletta (bil-kontribut ta’ diversi msieħba), kien evalwat mill-ICOMOS – konsulenti tal-World Heritage Centre, u ppreżentat għall-kunsiderazzjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji li ltaqa’ f’Pariġi taħt il-Presidenza tal-Bulgarija.
Id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji laqgħet il-Management Plan tal-Belt Valletta, il-Views and Vistas Analysis (VVA) u l-Buffer Zone tal-Belt Valletta.
Laqgħet ukoll l-implimentazzjoni tal-Heritage Impact Assessments għal proġetti li jista’ jkollhom impatt fuq il-Belt Valletta, li lkoll ġew sottomessi wkoll lill-World Heritage Centre.
B’mod aktar speċifiku, il-Kumitat laqa’ l-preparazzjoni tal-Heritage Impact Assessments għal proġetti ta’ skala kbira u ħeġġeġ lil Malta tkompli ssaħħaħ dan il-proċess billi, fost oħrajn, tqis l-impatti indiretti u kumulattivi ta’ proġetti mibdija jew li jridu jinbdew fil-futur – sewwa fil-proprjetà ta’ Wirt Dinji u sewwa fil-Buffer Zone tagħha.
Fil-kuntest ġenerali, dan jimmarka relazzjonijiet tajbin ħafna bejn Malta u l-World Heritage Centre tal-UNESCO għaliex id-diskors ma għadux dwar pendenzi u mankanzi iżda dwar kif se jissaħħu l-mekkaniżmi li diġà jeżistu biex jiġi mħares dejjem aktar il-wirt kulturali.
Sinjal ta’ dan huwa l-fatt li waqt li bosta proprjetajiet oħra ntalbu State of Conservation Report ieħor f’inqas minn sena, ir-rapport dwar il-Belt Valletta, ġie mitlub b’data ta’ skadenza ta’ 18-il xahar, sal-1 ta’ Diċembru 2026.
Il-Gvern jinsab impenjat biex il-ħidma tajba mmens li qed issir tkompli tikber għall-ħarsien tal-Belt Valletta.
Fis-47 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, Malta bħala Membru Stat tal-UNESCO kienet irrappreżentata mid-Delegazzjoni Permanenti għall-UNESCO, akkumpanjata mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN