STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Iffirmat ftehim li se jsaħħaħ u jiffaċilita l-aċċess għall-fondi Ewropej fis-settur agrikolu
Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u s-Servizzi Ewropej f’Malta fl-uffiċini tal-AgriConnect f’Għawdex – ftehim li se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet sabiex l-għajnuna Ewropea, inklużi fondi, tasal aktar faċilment għand il-bdiewa.
L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo u mill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim ser ikomplu jissaħħu s-servizzi sabiex l-aċċess għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropeja fis-settur agrikolu jiġi ffaċilitat. Permezz ta’ AgriConnect f’Għawdex, is-SEM se jkun jista’ jżomm kuntatt dirett mal-bdiewa Għawdxin u jinfurmahom b’sejħiet ta’ finanzjament relatati mal-agrikoltura. Dan ifisser li ħadd ma jibqa’ lura jew ma jkunx infurmat dwar opportunitajiet kruċjali għall-iżvilupp tagħhom. Għaldaqstant, dan il-ftehim huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja lill-bdiewa Għawdxin u Maltin.
Il-Ministru Anton Refalo tenna li dan il-ftehim jirrifletti l-impenn ċar tal-Gvern li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-bdiewa, partikolarment fejn jidħol l-aċċess għall-fondi Ewropej. Dan mhux biss ifisser inqas burokrazija, iżda wkoll aktar żmien u riżorsi għall-produzzjoni agrikola u l-iżvilupp sostenibbli tal-art Għawdxija.
“L-agrikoltura mhux biss xogħol – hija identità, kultura u sostenn għall-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, dan il-ftehim huwa simbolu ta’ fiduċja reċiproka, ta’ responsabbiltà u ta’ viżjoni komuni bejn il-Gvern u l-istituzzjonijiet tiegħu, flimkien mal-komunità agrikola,” żied jgħid il-Ministru Refalo.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza l-importanza ta’ dan il-ftehim bħala mezz biex jitjiebu s-servizzi mogħtija lill-bdiewa u r-raħħala, b’mod li l-fondi Ewropej ikunu aktar aċċessibbli għalihom. Huwa rringrazzja lill-Ministeru għall-Agrikoltura u lis-Servizzi Ewropej f’Malta għall-koperazzjoni u l-impenn tagħhom, u saħaq li din il-kollaborazzjoni hija pass konkret li jkompli jsaħħaħ is-sostenn għas-settur agrikolu f’pajjiżna.
“B’dan il-ftehim qed noffru appoġġ aktar effettiv u viċin in-nies, u niżguraw li l-bdiewa u r-raħħala jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jiksbu l-għajnuna u finanzjamenti minn fondi Ewropej,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa, qal li dan il-ftehim huwa riżultat ta’ ħidma li saret minn SEM fl-aħħar snin fejn ġew identifikati numru ta’ inizjattivi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-fondi Ewropej għall-bdiewa u r-raħħala. SEM kienet strumentali fost l-oħrajn biex ċerti proċessi ġew simplifikati u b’hekk aktar bdiewa u raħħala applikaw. “Min ikun jixtieq japplika għall-fondi Ewropej m’għandux jaqta’ qalbu qabel jibda. Il-missjoni tagħna hi li kemm jista’ jkun nagħmluha eħfef li l-fondi jittieħdu u jintużaw għall-benefiċċju kemm ta’ min jiggwadanja minnhom u kemm is-soċjetà inġenerali”.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN