Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Imtella’ l-konferenza finali tal-Għotjiet miż-Żona Ekonomika Ewropea u n-Norveġja 2014–2021

pr251303
Date Icon 17/07/2025

Programm li twettaq b’suċċess u pjanijiet għal aktar kooperazzjoni fil-futur

Il-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali tella’ l-konferenza finali tal-Għotjiet miż-Żona Ekonomika Ewropea u n-Norveġja 2014–2021, fil-Forti Sant Anġlu, il-Birgu.

Il-konferenza ġabret flimkien numru ta’ uffiċjali lokali u internazzjonali, rappreżentanti tal-proġetti, u partijiet oħra interessati. L-għan ta’ din il-konferenza kien li jiġi rikonoxxut ix-xogħol li sar f’dan il-perjodu, u li jiġu diskussi l-effetti pożittivi li ġab miegħu fil-qasam tas-saħħa, il-governanza, iż-żgħażagħ u l-kultura. L-Ambaxxatur għar-Renju tan-Norveġja Johan Vibe kien preżenti għal din il-konferenza.

Waqt id-diskors tal-ftuħ, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi tenna l-impenn tal-Gvern Malti biex juża b’mod strateġiku u effettiv kull opportunità ta’ fondi internazzjonali li tħalli impatt pożittiv fuq il-komunitajiet tagħna. Huwa rringrazzja wkoll lill-pajjiżi donaturi – l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja – għall-appoġġ kontinwu tagħhom u faħħar il-ħidma tad-Diviżjoni għall-Fondi u Programmi  fi ħdan il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, li kellha rwol ewlieni bħala l-punt nazzjonali ta’ kuntatt u l-korp implimentattiv ta’ dan il-programm.

“Dawn il-fondi, li jammontaw għal €8 miljuni, mhumiex biss għajnuna finanzjarja, iżda huma għodda importanti ta’ trasformazzjoni. Huwa għalhekk li ħadna ħsieb nagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi li rċevejna sabiex jissarfu f’riżultati li verament jagħmlu differenza. L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ dawn il-fondi tixhed ukoll viżjoni, tmexxija responsabbli u impenn lejn il-bżonnijiet tan-nies,” sostna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Fid-diskors tiegħu, Johan Vibe qal “Ninsab impressjonat ħafna minn din il-konferenza għax tassew ħassejt il-passjoni u l-impenn ta’ dawk kollha involuti. Barra minn hekk ġie spjegat kemm inkisbu riżultati tajbin minn dan il-programm kif ukoll l-involviment tal-poplu Malti.”

Matul il-konferenza, ġew preżentati l-proġetti ewlenin iffinanzjati taħt il-Programm, fosthom dawk relatati mat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa, l-appoġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, ir-riġenerazzjoni tal-mużew marittimu fil-Birgu, il-promozzjoni dwar l-inklużjoni soċjali, u t-taħriġ lill-impjegati tal-kunsilli lokali fil-governanza tajba u t-trasparenza.

Il-konferenza għalqet b’kummenti mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Fondi Ewropej, Jonathan Vassallo, li enfasizza l-bżonn li jibqa’ jsir użu mill-esperjenza miksuba sabiex il-fondi futuri jitwasslu b’mod aktar effiċjenti u ikomplu jagħtu aktar valur miżjud.

Il-Programm ta’ Għotjiet taż-Żona Ekonomika Ewropea u n-Norveġja qed isir b’appoġġ mill-popli tal-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, bħala parti mill-impenn tagħhom biex jippromwovu l-ugwaljanza, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Imtella’ l-konferenza finali tal-Għotjiet miż-Żona Ekonomika Ewropea u n-Norveġja 2014–2021
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Imtella’ l-konferenza finali tal-Għotjiet miż-Żona Ekonomika Ewropea u n-Norveġja 2014–2021
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow