STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Titnieda sejħa ġdida biex is-sajjieda jiddiversifikaw id-dħul tagħhom
Il-Ministru Anton Refalo flimkien mal-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, nedew uffiċjalment sejħa ġdida taħt il-Programm Ewropew FEMSA 2021–2027 bil-għan li s-sajjieda jkollhom aktar opportunitajiet biex jiddiversifikaw id-dħul tagħhom.
Din is-sejħa ser ikollha allokazzjoni ta’ €500,000 u l-finanzjament se jkun ta’ 50% sa massimu ta’ €75,000 għal kull proġett. Is-sejħa hija miftuħa għal dawk is-sajjieda li għandhom liċenzja MFA (full-time) jew MFB (part-time), u se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Diċembru 2026, bl-ewwel skadenza għall-applikazzjonijiet tkun fl-10 ta’ Ottubru 2025.
Permezz ta’ din l-iskema, is-sajjieda jistgħu jinvestu f’attivitajiet li jikkumplimentaw ix-xogħol tagħhom, fosthom turiżmu relatat mas-sajd, edukazzjoni, servizzi ambjentali, jew saħansitra stabbilimenti ta’ ikel relatati mas-sajd. Kull nefqa trid tkun parti minn business plan li jiġi sottomess flimkien mal-applikazzjoni.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, saħaq li, “B’dan l-investiment, mhux biss qed nipprovdu għajnuna finanzjarja, imma qed nagħtu spinta lill-bidla sostenibbli f’dan is-settur. Irridu naraw lis-sajjieda tagħna jaddattaw ruħhom għal sfidi ġodda, b’mod li jsaħħu r-reżiljenza tagħhom u tal-komunitajiet kostali tagħna. Din is-sejħa hija pass ieħor fit-triq lejn sajd aktar sostenibbli u innovattiv fejn Malta tibqa’ fuq quddiem nett fl-użu effettiv tal-fondi Ewropej għall-ġid tal-pajjiż u tan-nies tiegħu. Huwa importanti wkoll niftakru fil-benefiċċji nutrittivi li għandu l-ħut meta jiġi kkunsmat.”
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq fuq l-importanza tal-fondi Ewropej biex jiġu appoġġjati setturi tradizzjonali bħal dak tas-sajd biex jibqgħu rilevanti u sostenibbli. Huwa spjega li permezz tal-Programm tal-FEMSA, il-Gvern qed jagħti spazju ġdid għal inizjattivi li jsaħħu l-potenzjal ekonomiku tas-sajjieda u joffrulhom opportunitajiet ġodda. “Qed nużaw il-fondi Ewropej b’viżjoni u b’għaqal biex nappoġġjaw lill-komunitajiet tagħna jagħmlu pass ‘il quddiem. Din is-sejħa hija eżempju ta’ kif finanzjamenti mill-UE jista’ jgħinu lis-sajjieda jsaħħu l-operat tagħhom u jkunu aktar reżiljenti għall-isfidi tal-lum,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said spjegat kif “Permezz ta’ din is-sejħa se nkunu qed inkomplu nsaħħu d-dħul tas-sajjieda tagħna. Dejjem sħaqna dwar l-importanza li għandhom is-sajjieda f’pajjiżna. Għalkemm m’għandhomx xogħol faċli, xorta joħorġu fuq il-baħar, xemx jew xita. B’din l-iskema li qed inniedu llum, aħna se nkomplu nikkumplimentaw il-ħidma tagħhom f’oqsma relatati ma’ dan is-settur kruċjali. Permezz ta’ din is-sejħa se nkunu qed inkomplu nsaħħu l-potenzjal ta’ introjtu tas-sajjieda tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta Rodrick Zerafa, tkellem dwar l-assistenza li l-aġenzija se tkun qiegħda tagħti lis-sajjieda biex jifhmu aħjar il-kriterji li għandu jkollhom biex ikunu jistgħu japplikaw għal din l-għajnuna. Bħalma sar fi skemi oħrajn, SEM se tkun qed torganizza laqgħat ta’ informazzjoni lis-sajjieda, kemm dwar l-iskema tal-bdil jew il-modernizzazzjoni tal-magni tal-bastimenti tas-sajd u wkoll dwar din l-iskema.
Is-sessjonijiet ta’ informazzjoni se jsiru f’Għawdex fil-21 ta’ Lulju, f’Marsaxlokk fit-22 ta’ Lulju u f’San Pawl il-Baħar fit-23 ta’ Lulju. Id-dettalji dwar dawn il-laqgħat u biex wieħed jirreġistra jinsabu hawn: https://sem.gov.mt/events. Min hu interessat jattendi jista’ wkoll iċempel fuq 27797300.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN