STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport Annwali u Dikjarazzjonijiet Finanzjarji tal-NAO – 2024
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta r-Rapport, fuq imsemmi, lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia.
Dan ir-Rapport estensiv u informattiv jagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet, il-kisbiet u l-prestazzjoni finanzjarja tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) matul is-sena. Ir-rapport jenfasizza wkoll avvenimenti ewlenin, inizjattivi strateġiċi u sforzi ta’ kollaborazzjoni li twettqu mill-Uffiċċju.
Fid-daħla tar-rapport, l-Awditur Ġenerali jirrifletti fuq l-iżviluppi u l-kisbiet ewlenin tal-Uffiċċju matul il-kariga tiegħu, l-ewwel bħala Deputat Awditur Ġenerali u mill-2016 ’l hawn bħala l-Awditur Ġenerali. Dawn jinkludu prinċipalment:
a. il-pubblikazzjoni ta’ rapporti ta’ awditu ta’ kwalità għolja, li jinkludu rakkomandazzjonijiet li jistgħu jitwettqu u li jindirizzaw kwistjonijiet u nuqqasijiet identifikati waqt l-awditi tal-Uffiċċju;
b. reviżjoni b’mod iffukat u trasparenti tal-proċessi interni u l-metodoloġiji tal-NAO, sabiex jiġi żgurat li l-operat ikun aktar effiċjenti u effettiv, f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar u l-aħjar prattiki fil-qasam;
c. l-organizzazzjoni f’Malta ta’ diversi avvenimenti internazzjonali, organizzati fost l-oħrajn taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar u l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar; u
d. it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni ma’ Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar oħra permezz ta’ inizjattivi ta’ skambju ta’ ħaddiema.
L-Uffiċċju organizza wkoll is-seminar annwali konġunt mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u ħa sehem f’diversi impenji fuq livell internazzjonali. L-Awditur Ġenerali temm id-daħla tiegħu billi esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-Presidenti ta’ Malta, il-Prim Ministri, l-Ispeakers tal-Kamra tad-Deputati, il-Membri, l-Iskrivani u l-impjegati tal-Kamra, kif ukoll il-Presidenti u l-Membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, kif ukoll lill-Gvernijiet suċċessivi għall-appoġġ kontinwu tagħhom u għar-rispett li dejjem urew lejn l-indipendenza tal-Uffiċċju. Huwa esprima wkoll il-gratitudni tiegħu lill-impjegati tal-NAO għall-professjonalità u d-dedikazzjoni tagħhom.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Awditur Ġenerali, is-Sur Noel Camilleri, jirrifletti fuq għaxar snin ta’ trasformazzjoni fl-NAO, u jenfasizza kif din l-istituzzjoni evolviet minn korp ta’ awditjar tradizzjonali għal aġent ta’ bidla dinamiku b’viżjoni ċara għall-futur. Huwa jtenni l-importanza li jinżamm bilanċ bejn it-tradizzjoni u l-innovazzjoni, billi tinżamm l-indipendenza u l-integrità, filwaqt li jiġu modernizzati l-prattiki tal-awditjar biex jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadin li dejjem jikbru. F’dan il-progress, kien ċentrali l-impenn bla waqfien tal-impjegati tal-NAO, l-ippjanar strateġiku u l-investiment fil-bini tal-kapaċità. Is-Sur Camilleri jispjega r-riformi li għadhom għaddejjin, fosthom aġġornamenti fil-metodoloġiji tal-awditjar, it-twaqqif ta’ oqsma ġodda tal-awditjar u l-enfasi fuq it-teknoloġija u awditjar ibbażat fuq id-data. Hu jtenni l-importanza tat-trasparenza u l-involviment pubbliku, u jsemmi wkoll it-tnedija imminenti ta’ Kodiċi ta’ Etika ġdid, li għandu jsaħħaħ il-kultura interna u r-responsabbiltà. B’ħarsa ’l quddiem, hu jesprimi fiduċja fit-tkabbir kontinwu tal-NAO, xprunat mill-kollaborazzjoni, mir-reżiljenza u minn viżjoni komuni għal governanza aħjar.
Fil-kontribuzzjoni tiegħu, il-Konsulent Estern, is-Sur Hilary Galea-Lauri, jagħti ħarsa lejn it-trasformazzjoni strateġika tal-NAO lejn eċċellenza fl-awditjar, motivata mill-ħtieġa urġenti li tiżdied it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-governanza f’kuntest nazzjonali fejn ir-riżorsi huma limitati. Filwaqt li jenfasizza r-rwol kruċjali tal-kwalità tal-awditjar biex tinħoloq u tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadin Malti fl-Uffiċċju, hu juri b’mod ċar l-importanza ta’ inizjattivi eżistenti bħall-adozzjoni min-naħa tal-Uffiċċju ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-analiżi tad-data u l-intelliġenza artifiċjali, l-espansjoni tat-tipi ta’ awditi – fosthom dawk ta’ konformità, ta’ prestazzjoni, finanzjarji, ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u investigattivi – kif ukoll l-isforzi tal-Uffiċċju biex jintegra awditjar finanzjarju strutturat bħala waħda mill-funzjonijiet ewlenin. Din it-trasformazzjoni hija sostnuta minn investiment sinifikanti fit-taħriġ tar-riżors uman, reklutaġġ estern strateġiku u kollaborazzjoni internazzjonali, biex ikun żgurat li l-NAO jkun ippreparat biex jilqa’ l-aspettattivi li dejjem jikbru u jilħaq l-istandards globali. Fl-aħħar nett, din ir-riforma komprensiva tpoġġi lill-Uffiċċju bħala istituzzjoni tal-awditjar ta’ kwalità għolja, li tmexxi b’eżempju fit-tisħiħ tas-superviżjoni effettiva u bbażata fuq l-evidenza, filwaqt li tikkontribwixxi għal governanza tajba fis-settur pubbliku.
L-Ewwel Parti tar-Rapport tagħti ħarsa ġenerali lejn l-ambjent estern li fih jopera l-NAO, b’enfasi partikolari fuq il-finanzi pubbliċi. Tinkludi wkoll spjegazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tal-Uffiċċju, kif ukoll sommarju tar-riżultati u l-attivitajiet tas-sezzjonijiet differenti tal-awditjar u tal-amministrazzjoni matul is-sena li għaddiet. Barra minn hekk, tipprovdi rendikont fid-dettall tal-involviment professjonali tal-NAO ma’ partijiet interessati lokali u internazzjonali.
It-Tieni Parti tfassal il-mudell operattiv tal-NAO, u turi kif il-proċessi tal-Uffiċċju jittrasformaw ir-riżorsi (inputs) fi prodotti u riżultati (outputs and outcomes) li joħolqu valur miżjud fit-tul. Din il-parti tinkludi wkoll deskrizzjoni dettaljata tal-implimentazzjoni inizjali tal-Pjan Strateġiku tal-NAO 2024–2028, inkluż il-komunikazzjoni tal-objettivi strateġiċi ewlenin għal dan il-perjodu u t-twaqqif tal-ewwel timijiet ta’ azzjoni strateġika fl-2024 biex iwettqu dawn l-objettivi.
It-Tielet Parti tinkludi d-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji awditjati tal-NAO, li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn il-prestazzjoni finanzjarja u l-pożizzjoni tal-Uffiċċju għas-sena li qed tiġi riveduta.
Ir-Rapport jista’ jiġi aċċessat billi żżur l-NAO websajt jew fuq il-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/NAOMalta.
Tista’ tiftaħ il-video billi ssegwi l-link: Vidjo
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN