Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta u l-Ġappun jilħqu ftehim għal working holiday visas għaż-żgħażagħ taż-żewġ pajjiżi

PR251294
Date Icon 16/07/2025

Id-Deputat Prim Ministru Borg jiltaqa’ mal-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Barranin Ġappuniż Fujii f’Tokyo

Malta u l-Ġappun laħqu ftehim sabiex żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu jiksbu working holiday visa b’xejn biex jagħmlu sa sena jesploraw il-Ġappun, u hekk ukoll għal Ġappuniżi żgħażagħ biex ikunu jistgħu jgawdu esperjenzi simili f’Malta.

Id-diskussjonijiet dwar dan il-ftehim, li se jidħol fis-seħħ f’Jannar li ġej, kien ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar disa’ snin. L-Erbgħa waranofsinhar, waqt laqgħa f’Tokyo, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, u l-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Barranin tal-Ġappun, Hisayuki Fujii, temmew dawn id-diskussjonijiet u għaddew lil xulxin in-Note Verbales bid-dettalji dwar il-proċeduri ta’ dan l-arranġament miż-żewġ pajjiżi.

“Il-working holiday visa għall-Ġappun tiftaħ opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ tagħna biex jivvjaġġaw lejn il-Ġappun u jgħixu l-kultura, l-istorja u l-innovazzjoni li joffri dan il-pajjiż,” spjega Dr Borg. Din il-visa ġdida se tkun miftuħa għal vjaġġaturi ta’ bejn 18 u 30 sena. Ser tintroduċi wkoll proċess simili ta’ working holiday visa għal żgħażagħ Ġappuniżi li jixtiequ jżuru Malta għal esperjenzi simili, inklużi studenti ta’ skejjel tal-lingwa Ingliża u istituzzjonijiet edukattivi oħrajn.

“Il-Ġappun huwa t-tielet l-akbar suq ’il barra mill-pajjiżi tal-UE fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwa Ingliża f’Malta, u hemm potenzjal sabiex dan il-qasam ikompli jikber fis-snin li ġejjin. Permezz ta’ dan il-ftehim, qegħdin nappoġġjaw l-iskejjel tal-lingwa u servizzi relatati, fl-isforzi tagħhom li jkomplu jiżviluppaw dan is-settur promettenti,” żied jgħid id-Deputat Prim Ministru.

Iż-żewġ ministri ddiskutew ukoll ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi, li komplew jitkattru f’dawn l-aħħar snin bil-ftuħ tal-Ambaxxata Maltija fil-Ġappun fl-2020 u l-Ambaxxata Ġappuniża f’Malta sena ilu. Huma tkellmu wkoll dwar il-Global Centre for Maritime Sanctions Monitoring, li Malta nediet din is-sena. L-Asian Partners for Cooperation Group tal-OSCE, li Malta qed tmexxi bħalissa, u l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa 2025 kienu wkoll fuq l-aġenda tal-laqgħa. Id-Deputat Prim Ministru Borg irringrazzja lill-Ministru Fujii għall-koperazzjoni tal-Ġappun f’dawn l-impenji multilaterali, u sostna l-impenn ta’ Malta li tkompli taħdem fuq kwistjonijiet ta’ interess reċiproku.

F’laqgħa separata, id-delegazzjoni Maltija mmexxija minn Dr Borg kellha wkoll diskussjonijiet mal-Kap tas-Segretarjat tal-Kabinett tal-Ġappun, Yoshimasa Hayashi.

Il-Ħamis, id-Deputat Prim Ministru Malti se jmexxi ċ-ċelebrazzjonijiet tas-60 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, waqt l-EXPO 2025 fil-belt ta’ Osaka.


STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta u l-Ġappun jilħqu ftehim għal working holiday visas għaż-żgħażagħ taż-żewġ pajjiżi
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta u l-Ġappun jilħqu ftehim għal working holiday visas għaż-żgħażagħ taż-żewġ pajjiżi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow