Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Ftehim Kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar

PR251271
Date Icon 12/07/2025

Ftehim kollettiv ġdid ġie ffirmat bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Union Professjonisti fl-Ambjent u fl-Ippjanar, li permezz tiegħu numru ta’ ħaddiema se jibbenefikaw minn żieda fil-pagi tagħhom u l-introduzzjoni ta’ allowances ġodda.

L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri; iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità, Johann Buttigieg; Christopher Attard, President tal-Union; Kevin Portelli, Direttur għas-Servizzi Koperattivi; Mark O’Neil, Segretarju Ġenerali; Bernard Ferry, Viċi President; u Thomas Woods, il-Kap għar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan il-Gvern.

Il-Ministru Camilleri spjega kif dan il-ftehim kollettiv se jara żidiet fil-pagi u allowances għall-impjegati, bil-għan li jittejbu l-pakketti ta’ kumpens u benefiċċji tagħhom b’mod ġenerali. Huwa tenna li l-iskop tal-ftehim kollettiv mhuwiex biss wieħed finanzjarju. Dan ifittex ukoll li jipprovdi gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, bl-għan li jservi bħala aspirazzjoni għal impjegati futuri. Apparti dan kollu, il-ftehim kollettiv il-ġdid jiżgura li jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.

“Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv b’saħħtu u fit-tul, bħala gvern qed nibagħtu messaġġ ċar li aħna tassew jimpurtana mill-ħaddiema għaliex apparti żidiet fis-salarji, dan il-ftehim ikopri diversi aspetti inkluż dak li jinċentiva l-iżvilupp professjonali kontinwu. Iżda apparti hekk, dan hu ftehim li jħares ukoll il-benesseri tal-ħaddiem għaliex permezz tiegħu se jiġu introdotti miżuri biex jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, mingħajr ma jiġi mtappan is-servizz li dawn il-ħaddiema jagħtu,” stqarr il-Ministru Clint Camilleri.

Dan il-ftehim se jibqa’ fis-seħħ sal-2030, ikopri 174 impjegat professjonali u jirrifletti l-impenn tal-Awtorità li trawwem forza tax-xogħol stabbli, motivata, u li tirrifletti l-ħtiġijiet kemm tal-istess Awtorità kif ukoll tal-pajjiż. Il-ftehim kollettiv ikopri pakkett finanzjarju aħjar għall-impjegati kif ukoll b’kundizzjonijiet oħra mmirati biex jattiraw u jżommu l-aqwa talent, filwaqt li jiżguraw il-kontinwità fl-għoti tas-servizz.

Iċ-Chairperson Eżekuttiv, Johann Buttigieg, qal, “Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, mhux biss qed noffru pakkett attraenti lill-professjonisti tagħna, iżda wkoll qed nattiraw żgħażagħ ġodda. L-Awtorità mhux biss tagħmel dak kollu possibbli biex toffri miżuri favur il-familja li diġà huma offruti fil-pajjiż, iżda wkoll tipprova toffri aktar minn hekk.” Hu kompla jgħid li l-Awtorità tagħti importanza kbira lill-benesseri tal-impjegati fir-rigward tal-post tax-xogħol. Madankollu, l-Awtorità tistenna li l-impjegati jżidu l-effiċjenza tagħhom. Fil-fatt, matul il-ġranet li ġejjin, se jkunu qed jitjiebu l-operat u t-teknoloġija fi ħdan l-Awtorità.

Il-ftehim kollettiv il-ġdid jimmarka pass sinifikanti ’l quddiem kemm għall-Awtorità kif ukoll għall-istaff professjonali tagħha. Minbarra pakkett ta’ salarju aħjar li jirrifletti l-ħtiġijiet tal-istandard tal-għajxien tal-lum, ġew introdotti aktar miżuri favur il-familja u arranġamenti tax-xogħol flessibbli li jippromwovu bilanċ aktar b’saħħtu bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba jimmiraw mhux biss li jappoġġjaw lill-impjegati iżda wkoll li jsaħħu l-kwalità tas-servizz ipprovdut mill-Awtorità lill-klijenti tagħha. Il-ftehim jinċentiva wkoll l-iżvilupp professjonali kontinwu permezz tal-introduzzjoni ta’ allowances akbar għall-leave relatat mal-istudju li jistgħu jwasslu biex titrawwem forza tax-xogħol aktar kwalifikata u professjonali. Barra minn hekk, ġiet introdotta allowance ġdida ta’ infurzar għall-uffiċjali fid-Direttorat tal-Infurzar, li toffri inċentiv immirat lil dawk responsabbli għal azzjonijiet diretti ta’ infurzar.

Il-President tal-Union, Christopher Attard, sostna, “Bħala Union tal-Professjonisti tal-Ambjent u l-Ippjanar, dan hu l-ħames ftehim kollettiv. Din id-darba qed naraw li l-pakkett finanzjarju qed jikkompeti sewwa fis-swieq tax-xogħol tal-lum. Fl-istess ħin, ippruvajna noffru pakkett attraenti għal impjegati ġodda fis-settur tagħna, filwaqt li nżommu lill-impjegati preżenti.”

L-Awtorità tal-Ippjanar tilqa’ l-konklużjoni b’suċċess ta’ dan il-ftehim u tħares ’il quddiem għal kollaborazzjoni kontinwa mal-impjegati tagħha fil-bini ta’ organizzazzjoni aktar effiċjenti, effettiva u ta’ suċċess.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Ftehim Kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Ftehim Kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Ftehim Kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Ftehim Kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow