STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI CT Scan ġdid f’San Vinċenz de Paul
B’investiment ta’ €1.48 Miljun, ġie inawgurat CT Scan ġdid f’San Vinċenz de Paul mill-aktar effiċjenti u aċċessibbli għal kulħadd anke għal pazjenti li għandhom diffikultà ta’ mobilità.
Permezz ta’ investiment minn fondi Ewropej, is-CT Scan ġdid mhux biss ser ikun qed jgħin lir-residenti ta’ San Vinċenz jirċievu din il-kura mingħajr skariġġ, imma wkoll ser jibbenefikaw pazjenti minn djar oħrajn tal-anzjani u persuni li għandhom ’il fuq minn 65 sena u li għadhom jgħixu fil-komunità. Dan l-investiment ser ikompli jżid is-servizzi tar-radjografija f’San Vinċenz de Paul fejn fl-aħħar xhur sar investiment fuq 2 X-Ray machines portabli kif ukoll bone density machine ġdida.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal kif dan it-tagħmir ħa jkun jilħaq miri kruċjali. Dan l-investiment, ser ikun qed jiffranka t-trasferiment ta’ pazjenti bejn San Vincenz u Mater Dei. L-iscanner għolla l-profil ta’ San Vinċenz u tejjeb il-potenzjal ta’ karrieri fir-radjoloġija kif ukoll it-tagħmir ġdid ikompli jnaqqas l-ħinijiet ta’ stennija għas-CT scans. Vantaġġ ieħor ta’ dan it-tagħmir huwa, li bħal dak installat fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex is-sena li għaddiet, dan ħa jaqdi wkoll il-bżonn ta’ pazjenti obeżi. “Dan ta’ llum hu investiment ieħor b’saħħtu favur l-anzjani tagħna u l-Gvern kommess li jkompli jinvesti u joffru l-aħjar kura tas-saħħa li tixraq lill-pazjenti Għawdxin u Maltin,” temm jgħid Dr Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, enfasizza l-importanza tal-investiment fil-qasam tas-saħħa permezz tal-fondi Ewropej. Huwa spjega kif dan il-proġett, kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi tal-UE qed jiġu utilizzati b’mod strateġiku biex jitjiebu s-servizzi għall-pubbliku u jsaħħu r-reżiljenza tas-settur tas-saħħa f’Malta. “Dan l-investiment mhux biss qed jgħin biex innaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija, iżda huwa prova oħra ta’ kif qed nużaw il-fondi Ewropej biex nagħtu aktar kura, b’mod aktar effiċjenti u aktar inklussiv, lil min jeħtieġha l-aktar,” temm jgħid il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, qal li dan l-investiment jirrifletti b’mod ċar kif il-kura tas-saħħa għall-anzjani qed tiġi adattata għall-bżonnijiet reali tagħhom. “Il-fatt li dan it-tagħmir qiegħed f’San Vinċenz ifisser li nistgħu noffru servizz kritiku mingħajr il-ħtieġa li nittrasportaw lill-anzjani lejn l-isptar. Dan mhux biss jagħmilha aktar komdu għall-pazjenti, iżda jtejjeb ukoll il-kwalità tal-kura li jingħataw f’ambjent magħruf u sigur”, temm jgħid Dr Agius Galea.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN