Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Tibda l-ħidma fuq ir-riforma tat-Tribunal Industrijali

pr251261
Date Icon 11/07/2025

Maħtur Kumitat Konsultattiv li se jaħdem mal-Gvern biex isaħħaħ l-operat tat-Tribunal Industrijali

Ingħata bidu għall-proċess li se jkun qed iwassal għal riforma fit-Tribunal Industrijali. L-għan ta' din ir-riforma hi li d-deċiżjonijiet tat-Tribunal jaslu b'mod aktar spedit, li jkun hemm parametri legali ċari dwar kemm għandu jkun il-kumpens mogħti lill-ħaddiem li sofra inġustizzja, u li d-deċiżjonijiet taċ-chairpersons li jippresjedu t-Tribunal ikunu aktar konformi ma' xulxin.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, ħabbar dawn il-bidliet f'konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ħatar Kumitat Konsultattiv li se jkun qed jaħdem id f'id mal-Gvern f'din ir-riforma, billi joħroġ b'sett ta' proposti dwar kif it-Tribunal Industrijali jista' jkompli jiġi riformat. Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll iċ-Chairpersons tat-Tribunal Industrijali u l-imsieħba soċjali.

It-Tribunal Industrijali huwa korp ġudizzjarju li jittratta t-tilwim bejn il-ħaddiema u min iħaddem, u huwa fergħa importanti għaliex jassigura ġustizzja industrijali, filwaqt li jissalvagwardja l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal illi l-Kumitat Konsultattiv, anke skont it-termini ta' referenza, se jkun qed jaħdem mal-Gvern biex jidentifika u jiżviluppa l-bidliet meħtieġa, jipprovdi pariri dwar ristrutturar tal-kompożizzjoni tal-istess Tribunal, janalizza l-qafas legali li jirregola lit-Tribunal, u jabbozza l-liġijiet neċessarji intiżi li jimmodernizzaw l-operat tiegħu.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul fid-diskors tiegħu identifika punt li ddeskrivih bħala kruċjali, dak ta' bżonn ta' parametri legali ċari dwar kif jiġi kalkulat il-kumpens mit-Tribunal Industrijali. Qal li issa din ir-riforma se tkun qed tassigura li min iħaddem ikollu serħan il-moħħ li fejn it-Tribunal jiddeċiedi li għandu jingħata kumpens ikun hemm kjarezza għal kulħadd ta' kemm dan għandu jkun.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li fl-aħħar snin is-suq tax-xogħol f'Malta kiber b'tali mod li l-pajjiż għandu sitwazzjoni ta' kważi full employment. Qal li minkejja li l-istatistika tindika li n-numri ta' kawżi ġodda kull sena ma jvarjawx b'mod drastiku, il-Gvern xorta ħass li din ir-riforma se tkun qed tgħin biex dak li jkun jingħata deċiżjoni fl-iqsar żmien possibbli.

Dr Ellul żied jispjega illi s-suq tax-xogħol f'Malta mhux biss kiber, iżda kif ġara madwar id-dinja kollha, kompla jevolvi u jinbidel, b'aktar avvanzi teknoloġiċi u l-ftuħ ta' pjattaformi ġodda. Dawn ġabu magħhom sfidi ġodda, li l-Gvern permezz ta' din ir-riforma, irid jara li t-Tribunal Industrijali ikun imħejji għalihom. Qal illi it-Tribunal Industrijali mhux biss irid ikollu biżżejjed riżorsi biex jaqdi fi żmien raġjonevoli lil dawk li jiġu quddiemu, iżda jkun kapaċi jindirizza kwistjonijiet ġodda li qed ifeġġu minħabba l-bidliet fis-suq tax-xogħol.

Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega li t-Tribunal Industrijali irid jiġi aġġornat anke mal-miri li joħorġu mill-Viżjoni Malta 2050, fosthom dik ta' viżjoni waħdanija għal setturi varji.

Dr Ellul temm jgħid li b'mod komprensiv din ir-riforma se tkun qed twassal għal aktar effiċjenza, u ġustizzja industrijali b'mod sħiħ. Qal li din il-miżura anke tikkonferma r-rieda tal-Gvern li jidentifika realtajiet ġodda u jindirizzahom.

Intant, iċ-Chairperson tal-Kumitat Konsultattiv, Dr Christine Calleja, qalet li din ir-riforma se tkun intiża li tagħti aktar riżorsi lit-Tribunal Industrijali. Tkellmet dwar problemi infrastrutturali u teknoloġiċi li jaffaċċja, kif ukoll dwar il-kwistjoni ta' speditezza f'dawk li huma teħid ta' deċiżjonijiet u smigħ ta' kawżi. Dr Calleja qalet li l-bidliet kollha li se jseħħu, li mistennija anke jiġu abbozzati mill-istess Kumitat Konsultattiv, se jkunu qed isaħħu d-dritt tal-ħaddiem għal rimedju aktar effettiv, se jagħtu aktar ċertezza legali, u se jdaħħlu aktar serjetà fil-mod kif jopera l-istess Tribunal.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Tibda l-ħidma fuq ir-riforma tat-Tribunal Industrijali
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow