STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Il-Deputat Prim Ministru Ian Borg jindirizza konferenza dwar l-istħarriġ tal-ACE
Is-sejbiet tal-istħarriġ li sar mill-ACE mal-klijenti tar-ristoranti ġew żvelati waqt konferenza nhar l-Erbgħa. L-istħarriġ jagħti ħarsa lejn l-attitudni u l-aspettattivi tal-klijenti, u jitfa’ dawl kemm fuq dak li sejjer tajjeb kif ukoll l-isfidi tas-setturi tal-gastronomija u l-ospitalità f’Malta.
L-istħarriġ imwieġeb minn 500 persuna, 400 klijent lokali u 100 turist, żvela bosta xejriet ġodda li qed jiffurmaw id-drawwiet tal-konsumaturi u li se jgħinu biex is-settur jimxi ’l quddiem. Id-Deputat Prim Ministru Borg qal li s-sejbiet juru b’mod ċar li l-eċċellenza u l-kwalità huma fatturi kruċjali għal min jagħżel li jesperjenza l-offerta gastronomika ta’ pajjiżna.
“Is-sejbiet tal-lum huma ħafna iktar minn ġabra ta’informazzjoni; iżda jagħtuna lenti għaqlija sabiex nifhmu aħjar ir-realtajiet, l-isfidi u l-opportunitajiet tas-settur li qed jinbidel kontinwament f’pajjiżna,” qal id-Deputat Prim Ministru Borg.
Huwa ddeskriva l-istabbilimenti tal-ikel bħala kruċjali għall-identità kulturali u turistika ta’ Malta. “Ir-ristoranti tagħna jirrappreżentaw ħafna iktar minn sempliċiment postijiet fejn tiekol; huma spazji ta’ ċelebrazzjoni, ta’ kultura, u ta’ konnessjoni fuq livell uman. L-istabbilimenti tal-ikel tagħna huma xhieda ħajja tal-kultura Mediterranja, fejn dak tradizzjonali u modern jiltaqgħu f’kull platt.”
Id-Deputat Prim Ministru enfasizza wkoll l-importanza li nirrikonoxxu l-ħidma tan-nies li huma wara l-esperjenza offruta, bħas-sidien tar-ristoranti, il-kokijiet, ħaddiema li jservu u dawk kollha fl-ospitalità. Dr Borg iddeskrivihom bħala “narraturi, intraprendituri, u kustodji tal-wirt kulturali u kulinarju tagħna.”
Id-dedikazzjoni tagħhom, żied jgħid, trid tiġi appoġġjata b’struttura b’saħħitha, bħall-inizjattiva tal-iSkills Pass, li tkompli taħdem biex tgħolli l-istandards tas-servizz. Irrimarka li dan ix-xogħol qed isir b’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet kollha nvoluti, biex kull deċiżjoni tibqa’ msejsa fuq il-bżonnijiet reali tas-settur.
“Id-dejta li qed nistudjaw illum m’hijiex biss ir-realtà tal-preżent, iżda hija kumpass għall-futur. Hija pedament fuq xiex nistgħu nibnu settur li jagħti prijorità lill-kwalità, jippromovi s-sostenibilità u jħaddan l-innovazzjoni,” qal Dr Borg.
Huwa temm billi feraħ lill-ACE għall-impenn kontinwu fir-riċerka u l-iżvilupp tas-settur, u ħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fis-settur tal-ospitalità u l-gastronomija f’Malta biex jinteraġixxu mas-sejbiet tal-istħarriġ b’mira lejn l-eċċellenza u offerta ta’ kwalità ogħla.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN