STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Preżentat l-ewwel abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu
Aktar kmieni llum ġie ppreżentat l-ewwel abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett f’laqgħa ma’ numru ta’ NGOs, għaqdiet ambjentali u stakeholders ta’ dan is-settur. Din l-istrateġija tifforma parti mill-inizjattiva Reshaping our Mobility, miżura oħra importanti fil-viżjoni tal-Gvern biex jitjieb it-trasport f’pajjiżna.
Matul din il-laqgħa, ġie spjegat il-proċess wara din l-istrateġija kif ukoll il-viżjoni għall-użu tar-rota f’pajjiżna biex dan jiżdied u jsir mezz ta’ trasport alternattiv aktar popolari. Dan hekk kif saret analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni preżenti minn professjonisti. Dan wassal biex ġew identifikati numru ta’ rakkomandazzjonijiet u proposti li se jgħinu biex ir-rota ssir mezz ta’ trasport li jintuża minn aktar nies.
Il-Ministru Chris Bonett qal li din l-inizjattiva hija waħda minn 45 li l-Gvern ippreżenta f’Marzu li għadda u li bħalissa għaddejja l-implimentazzjoni tagħhom. Huwa spjega li kollha flimkien dawn il-miżuri se jikkontribwixxu biex it-toroq tagħna jiġu użati b’mod aħjar. Il-Ministru Bonett qal li din l-istrateġija hija waħda minn dawn il-miżuri u se tiġi implimentata bl-għajnuna tal-ambaxxatur u l-kumitat għal mobbilità alternattiva sostenibbli.
“Din il-miżura għandha l-għan li trawwem kultura fejn ir-rota tiġi użata aktar f’pajjiżna, b’mod sigur, bħala mezz ta’ trasport alternattiv u sostenibbli. Bħalma qed nużaw il-baħar u l-mixi, l-użu tar-rota hija parti minn strateġija biex f’pajjiżna nbiddlu l-mod ta’ kif nivvjaġġaw u nnaqqsu d-dipendenza fuq il-karozza privata,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Il-laqgħa tal-lum serviet biex ikompli jiġi aġġornat l-abbozz tal-Istrateġija, sabiex fiż-żmien li ġej jiġi mniedi d-dokument finalizzat tal-Istrateġija.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN