Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport fuq Verifika ta’ Prestazzjoni: Evalwazjoni tal-Inizjattiva tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Ispezzjonijiet

PR251237
Date Icon 08/07/2025

L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, illum ippreżenta lill-President tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farruġia r-rapport imsemmi hawn fuq. Dan l-istudju evalwa l-operat tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Ispezzjonijiet (ICO) u evalwa l-effettività kif ukoll l-impatt li din is-sistema ta’ koordinazzjoni kellha fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż regolatorju fuq in-negozji lokali.

Is-sistema tal-ICO hi intenzjonata sabiex tiġbor numru ta’ spezzjonijiet minn regolaturi varji f’intervent wieħed minn spettorati Primarji (PI). Dawn il-PIs jiġbru d-dejta tal-ispezzjonijiet kemm għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom kif ukoll f’isem I-Ispettorati Sekondarji (SIs – spettorati li mhux neċessarjament jiġbru dejta għal spettorati oħra imma jirċievu biss mingħand il-PIs). Madanakollu, dan ir-rapport wera li l-benefiċċji mistennija mill-inizjattiva tal-ICO għadhom ma ġewx miksuba.

L-Uffiċċju sab li mill-2020 ’l hawn, in-numru ta’ spezzjonijiet koordinati annwali laħqu madwar tlieta fil-mija meta mqabbel mat-total ta’ spezzjonijiet li saru mill-istess spettorati iżda lil hinn minn din is-sistema. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) parzjalment jattribwixxi dan ir-riżultat għall-interpretazzjoni tal-ICO dwar din is-sistema ta’ koordinazzjoni, partikolarment meta wieħed jikkunsidra s-setgħat leġiżlattivi mogħtija lil din l-entità u meta mqabbla mal-linji gwida maħruġa mill-OECD. L-isforzi tal-ICO huma primarjament iffokati fuq il-kompilazzjoni ta’ checklists għall-użu waqt spezzjonijiet tal-ICO, il-provvista ta’ tablets lill-PIs u aċċess għas-sistema ta’ mmaniġġjar tad-dejta tal-ispettorati regolatorji kollha involuti. Skont l-NAO, sistema ta’ koordinazzjoni għandha tinkludi firxa usa’ ta’ funzjonijiet, fosthom, il-faċilitazzjoni proattiva tal-iskedar tal-ispezzjonijiet fost l-istakeholders rilevanti.

Il-piż operattiv tal-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva qed jinġarr kważi esklussivament mill-ispettorati assenjati mill-ICO bħala PIs. Peress li s-sistema mhijiex iddisinjata b’mod li bih dawn il-PIs jibbenefikaw b’mod materjali minn dawn l-ispezzjonijiet, l-NAO jistaqsi jekk għandux jiġi esplorat metodu aktar bilanċjat, li jassigura tqassim aħjar tar-responsabbiltajiet u l-benefiċċji fost l-ispettorati kollha involuti.

Billi l-PIs huma mitluba jistaqsu mistoqsijiet ewlenin biss f’isem l-SIs, l-ispezzjonijiet imwettqa bis-sistema tal-ICO huma inqas rigorużi meta mqabbla ma’ dawk imwettqa direttament mill-SIs għalihom nfushom. Ġie stabbilit li, f’dan ir-rigward, is-sistema preżenti tipprovdi biss indikazzjoni ġenerali ta’ konformità minn negozji spezzjonati, u mhux evalwazzjoni komprensiva.

Dan iqajjem ukoll tħassib dwar l-għoti taċ-Ċertifikat “High Standard of Compliance” (HSOC) li jingħata lin-negozji li jiksbu punteġġ għoli fi spezzjoni tal-ICO għall-konformità regolatorja. Filwaqt li dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi l-mertu ta’ assenjazzjoni bħal din, l-ispezzjonijiet pjuttost ristretti tal-SIs inaqqsu mill-valur ta’ din iċ-ċertifikazzjoni. Jeżisti wkoll ir-riskju li negozji f’kategoriji partikolari ma jiġux spezzjonati fl-istess sena, u b’hekk dan jista’ jillimita opportunità ugwali għal eliġibbiltà għaċ-ċertifikazzjoni tal-HSOC.

Dan l-Uffiċċju jappoġġja bis-sħiħ l-għan ta’ din l-inizjattiva. Madanakollu, l-NAO jirrikonoxxi wkoll li t-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ sistema bħal din hija kumplessa ħafna, u teħtieġ li l-ICO jopera f’kuntest legali kumpless u f’prattiki operattivi frammentati fid-diversi spettorati involuti. Dan mhux kompitu faċli, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-ICO huwa kompost minn tmien uffiċjali biss.

Dawn il-kwistjonijiet, kif ukoll oħrajn, huma ppreżentati b’mod komprensiv fir-rapport tal-verifika flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-Uffiċċju. Ir-rapport kollu jista’ jinkiseb permezz tal-website tal-NAO: nao.gov.mt kif ukoll mill-paġna ta’ Facebook tal-NAO: www.facebook.com/NAOMalta

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow