STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Ir-rapport annwali dwar is-Saltna tad-Dritt jikkonferma l-impenn ta’ Malta u t-titjib sinifikanti li twettaq matul l-aħħar sena
Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea jkompli jikkonferma l-prijorità tal-Gvern fis-settur tal-Ġustizzja u jenfasizza diversi żviluppi sinifikanti li seħħew f’Malta matul l-aħħar sena biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.
Għal sena oħra konsekuttiva, il-Kummissjoni enfasizzat li l-perċezzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura f’Malta tibqa’ għolja kemm fost il-pubbliku kif ukoll fost il-kumpaniji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnutat b’mod pożittiv l-isforzi tal-Gvern biex jinvolvi lill-Ġudikatura fil-ħatra tal-Prim Imħallef, kif ukoll biex titjieb l-effiċjenza tal-proċeduri permezz tar-riforma kostituzzjonali li ġiet diskussa fil-Parlament. Sfortunatament, il-Gvern ma setax jimplimenta din ir-rakkomandazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-Oppożizzjoni, peress li l-emenda kienet teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi għall-approvazzjoni tagħha.
Minkejja dan, ir-rapport ifaħħar il-progress li nkiseb mill-Gvern biex titjieb l-effiċjenza tas-sistema tal-Ġustizzja, inkluż il-mixja lejn iktar speċjalizzazzjoni fil-Qrati, b’mod partikolari permezz tal-konsultazzjoni pubblika estensiva dwar ir-riforma fil-Liġi tal-Familja, il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta’ liġi li se jistabbilixxi Qorti Kummerċjali, u ż-żieda ta’ awla oħra għall-ġurijiet, fost riformi oħra konsistenti mmirati biex jissaħħaħ il-qafas leġiżlattiv għal sistema ta’ ġustizzja aktar effiċjenti u effettiva.
Ir-rapport jenfasizza wkoll kisbiet sinifikanti li ġew adottati fis-sena preċedenti biex titjieb il-kapaċità tal-awtoritajiet investigattivi u tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, permezz ta’ żieda fir-riżorsi umani u l-iżvilupp ta’ għodod ġodda biex jitnaqqas il-ħin tal-investigazzjonijiet u jissaħħu l-prosekuzzjonijiet. Ir-rapport isemmi żieda sinifikanti fin-numru ta’ prosekuzzjonijiet imnedija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, minn 11 fl-2020 għal 492 fl-2024.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Frodi u l-Korruzzjoni u l-pjanijiet biex jitjiebu r-riżorsi umani għall-integrità fis-servizz pubbliku, kif ukoll miżuri ta’ integrità għall-uffiċjali tal-pulizija.
Fir-rigward tar-riforma fil-midja, il-Kummissjoni laqgħet il-preparazzjoni kontinwa ta’ Malta fuq il-leġiżlazzjoni li għandha tagħti setgħat ġodda lill-awtorità regolatorja tal-midja, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ tal-għaqdiet fil-qasam tal-midja u l-allokazzjoni tar-reklamar mill-Istat. Dawn ir-riformi jibnu fuq il-pass storiku ta’ Malta bħala l-ewwel Stat Membru tal-UE li ttraspona d-Direttiva kontra l-SLAPP fil-liġi nazzjonali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, saħaq fuq id-dedikazzjoni sħiħa tal-Gvern biex jissaħħaħ is-saltna tad-dritt f’Malta. Huwa afferma wkoll l-impenn attiv tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-governanza tajba u l-isforzi kontinwi biex jitwettqu riformi tanġibbli li jkomplu jsaħħu s-saltna tad-dritt u jiġu indirizzati sfidi b’mod komprensiv u effettiv.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN