STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA
Il-Climate Action Authority, l-ewwel awtorità tat-tip tagħha fl-Ewropa, diġà qed taħdem fuq numru ta’ proġetti, fosthom inizjattiva biex jiġu installati pannelli solari fuq binjiet pubbliċi. Hekk qalet il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli waqt żjara lill-ħaddiema tal-awtorità, fejn faħħret l-irwol importanti tal-awtorità, u rrimarkat li l-bidu tagħha diġà qed iħalli impatt tanġibbli. Hija rreferiet ukoll għall-istħarriġ riċenti tal-Eurobarometer li juri kuxjenza dejjem tikber fost il-pubbliku dwar l-urġenza tat-tibdil fil-klima.
“L-iskop tal-awtorità huwa l-kollaborazzjoni ma’ Ministeri u entitajiet differenti tal-Gvern. Dan qed isir diġà permezz ta’ numru ta’ proġetti li diġà bdiet il-ħidma fuqhom,” qalet il-Ministru Dalli filwaqt li spjegat li l-awtorità qed tiżviluppa kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali, u saħħet l-involviment ta’ stakeholders f’dan il-qasam importanti.
L-inizjattiva tal-pannelli solari fuq il-binjiet pubbliċi bdiet permezz ta’ ftehim mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex issir l-installazzjoni ta’ PVs fuq 10 skejjel. L-Awtorità tinsab fi proċess li tagħlaq diskussjonijiet simili ma’ diversi entitajiet oħrajn.
Bħala parti mill-ħidma tagħha, l-awtorità żviluppat pjan strateġiku bbażat fuq 11-il għan ewlieni, imfassla biex jikkontribwixxu għal politika effettiva u soluzzjonijiet sostenibbli. Dan il-pjan, magħmul bl-assistenza ta’ EY Parthenon, għandu jwassal għal azzjonijiet konkreti bħal tfassil ta’ strateġiji, tmexxija ta’ proġetti klimatiċi u promozzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni. L-awtorità qed issaħħaħ ukoll ir-rwoli ta’ infurzar, rapportar u ġbir ta’ data dwar il-klima, sabiex jiżdied il-livell ta’ trasparenza u kontabbiltà fis-settur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, Abigail Cutajar, spjegat kif fl-aħħar xhur l-awtorità stabbiliet operat ċar ta’ kif twettaq il-ħidma tagħha, filwaqt li evolviet il-kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali tagħha. “Preparajna għat-triq li għandna quddiemna biex inkunu lesti għall-bidliet u l-isfidi li hemm f’dan is-settur dinamiku,” qalet il-Kap Eżekuttiv Cutajar meta kienet qed tispjega l-ħidma li wettqet l-awtorità fl-aħħar xhur u dak li hemm maħsub għaż-żmien li ġej. Hija saħqet li l-awtorità se tibqa’ taħdem b’mod li tirrelata mal-pubbliku ġenerali, għax quddiem din l-isfida globali kulħadd jista’ jikkontribwixxi bil-parti tiegħu biex nieħdu ħsieb id-dinja tagħna.
Iċ-Chairperson tal-Climate Action Authority, Mario Joseph Azzopardi, enfasizza l-irwol tal-awtorità. “Il-missjoni tagħna hi ċara: irridu nsaħħu r-reżiljenza tan-nazzjon tagħna u nimmitigaw l-impatti tat-tibdil fil-klima permezz ta’ politika effettiva u miżuri regolatorji.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN