STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Aġenzija Żgħażagħ tonora ż-żgħażagħ waqt serata speċjali li tfakkar il-kisbiet u l-potenzjal tagħhom fil-programm Youth.inc
Il-programm Youth.inc, imħaddem mill-Aġenzija Żgħażagħ, organizza serata speċjali, il-Youth.inc Awards Night, biex jonora ż-żgħażagħ li b'sagrifiċċju u dedikazzjoni komplew jimmaturaw personalment u jsaħħu l-kontribut tagħhom fis-soċjetà.
Matul is-serata, ġie ċċelebrat il-valur tal-programm bħala pjattaforma li tmexxi 'l quddiem lill-parteċipanti lejn ħajja b'direzzjoni u għan ċar. L-avveniment serva wkoll bħala tribute lill-youth workers u l-professjonisti kollha involuti, li b'passjoni u dedikazzjoni jgħinu jibnu spazji ta' tkabbir u opportunità.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal, “Dan l-avveniment huwa kollu dedikat lilkom – iż-żgħażagħ ta' pajjiżna – u l-valuri li tirrappreżentaw: l-enerġija, il-kreattività, il-kuraġġ u r-reżiljenza. Intom mhux biss il-mexxejja ta' għada imma mexxejja tal-lum. Intom dawk li qed tikkontribwixxu fis-soċjetà tagħna, toffru ideat friski, u twasslu messaġġi ta' valuri u tama."
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti saħaq ukoll fuq l-impenn tal-Gvern li jibqa' jinvesti f'inizjattivi bħal Youth.inc li jgħinu liż-żgħażagħ jisfaw ċittadini attivi u infurmati. “Bħala Gvern, aħna impenjati li nibqgħu ninvestu f'komunitajiet u programmi bħal dan, fejn intom iż-żgħażagħ tistgħu tesploraw l-identità tagħkom, tkabbru l-ħiliet tagħkom, u tagħmlu l-kontribut tagħkom lejn Malta aktar b'saħħitha u ġusta."
Is-Segretarju Parlamentari fakkar ukoll fil-Viżjoni Malta 2050, u stieden liż-żgħażagħ jikkontribwixxu direttament għal din il-konsultazzjoni nazzjonali. “Din mhijiex viżjoni biss għal Malta ta' għada, iżda viżjoni li qiegħda tinbena magħkom u għalikom. Dan huwa ċ-ċans tagħkom biex tkunu parti mill-istorja, biex tgħidu tagħkom, biex tikkontribwixxu b'mod attiv, u biex turu biċ-ċar li ż-żgħażagħ Maltin għandhom sehem x'jagħtu, u għandhom vuċi li trid tinstema'."
L-avveniment ikkonkluda b'messaġġ ta' kuraġġ u fiduċja li l-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha l-għodda, l-appoġġ u l-potenzjal biex twettaq bidla pożittiva fis-soċjetà u f'pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN