STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Tintemm il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita u jissokta l-proċess konsultattiv
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li t-tmiem tal-konsultazzjoni pubbliku dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita mhuwiex it-tmiem tal-proċess konsultattiv u fil-jiem li ġejjin għandha laqgħat oħrajn skedati fosthom mal-imsieħba soċjali.
Hija rringrazzjat lill-pubbliku u lill-għaqdiet li għamlu s-sottomissjonijiet varji tagħhom kif ukoll lill-persuni li attendew il-laqgħat fil-komunità u qasmu l-esperjenzi tal-familjari tagħhom dwar dan is-suġġett li qajjem tant emozzjonijiet.
“Wara li smajna lil kulħadd bi qlub u mħuħ miftuħa, issa ser nibdew l-istadju ta’ evalwazzjoni tal-eluf ta’ sottomissjonijiet li saru fuq il-mertu tagħhom. L-ewwel impressjoni tiegħi hija li uħud mis-sottomissjonijiet qajmu punti tekniċi li jinħtieġu riflessjoni serja anke biex jiġu rfinuti l-proposti li kien hemm fid-dokument tal-konsultazzjoni pubblika,” qalet Rebecca Buttigieg.
Is-Segretarju Parlamentari esprimiet sodisfazzjon li din il-konsultazzjoni pubblika ġabet ammont rekord ta’ sottomissjonijiet u qalet li dan kien eżerċizzju li jsaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva. Hija qalet li l-gvern offra l-informazzjoni fattwali u ħalla lil kulħadd fil-libertà li jesprimi l-opinjoni tiegħu anke jekk kien hemm mument li fihom x’uħud taw informazzjoni mhix korretta.
Dwar il-pass li jmiss, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dan għad irid ikun deċiż wara li jittieħed kont tas-sottomissjonijiet u proposti li saru tul it-tmien ġimgħat ta’ konsultazzjoni pubblika kif ukoll tal-laqgħat li kellha u ser ikollha fil-ġimghat li ġejjin qabel eventwalment jibda l-proċess leġiżlattiv.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN