STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Għal sena oħra jirritorna l-Gozo Food Festival fix-Xewkija – ċelebrazzjoni ta’ ikel, kultura u talent lokali
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li għal sena oħra se jerġa' jittella' l-Gozo Food Festival fix-Xewkija, wieħed mill-aktar avvenimenti popolari u mistennija tas-sajf f'Għawdex. Din is-sena, il-festival se jsir nhar il-Ġimgħa 11 u s-Sibt 12 ta' Lulju fil Pjazza tax-Xewkija, fejn għal darb'oħra se jinħoloq spazju vibranti li jgħaqqad il-gastronomija mal-kultura u d-divertiment.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Bħala Ministeru qed nappoġġjaw b'mod sħiħ avveniment li mhux biss jiġbor lin-nies flimkien, iżda wkoll jgħin biex isaħħaħ l-ekonomija lokali u l-produtturi. Dan huwa festival popolari, mhux biss mal-Għawdxin iżda ma' dawk kollha li jkunu qed iżuruna f'dawn iż-żminijiet. Irridu naraw li l-gżira Għawdxija tibqa' l-għażla naturali għall-Maltin li jippjanaw il-vaganzi tagħhom kif ukoll għat-turisti li nilqgħu fis-sajf. "
Huwa kompla jgħid li kulħadd huwa mistieden jattendi u jgawdi minn dan il-festival indimentikabbli li jagħmel parti mill-programm kulturali li qed jittella' f'Għawdex għax-xhur tas-sajf, u li jgħaqqad il-familji Għawdxin, Maltin u turisti f'esperjenza li tiċċelebra dak kollu li Għawdex għandu x'joffri.
Għal żewġ iljieli konsekuttivi, il-Gozo Food Festival se joffri esperjenza unika b'għażla wiesgħa ta' stands b'ikel minn madwar id-dinja – mill-kċina Asjatika, Mediterranja, Ewropea u Amerikana t'Isfel – kif ukoll delizzji tradizzjonali Għawdxin li jirriflettu l-identità gastronomika ta' Għawdex.
Il-festival mhux biss joffri ikel, iżda huwa wkoll ċelebrazzjoni ta' kultura u talent artistiku fejn se jkun hemm diversi wirjiet ta' mużika live, li se jżidu mal-atmosfera. Barra minn hekk, se jkun hemm għażla ta' inbid speċjali u wine tasting biex il-viżitaturi jgawdu esperjenza ħolistika.
Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku tax-Xewkija, Simona Refalo, u wieħed mill-organizzaturi ewlenin tal-avveniment, Quinton Scerri, li flimkien mal-partijiet kollha involuti ħadmu biex joffru programm imfassal bir-reqqa u adattat għall-familji u viżitaturi ta' kull età.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi rringrazzja lill-organizzaturi kollha u lill-Kunsill Lokali tax-Xewkija flimkien ma' EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għall-kollaborazzjoni siewja, kif ukoll lil kull min ta sehem biex din l-inizjattiva tkun possibbli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN