Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Riżultati juru avvanz sinifikanti tal-istudenti Maltin

pr251173
Date Icon 30/06/2025

Kien hemm titjib sostanzjali fl-istudenti li kisbu Livell tal-MQF fil-Kwalifika u l-Profil tal-Iskola Sekondarja (SSQ&P). Data turi li, meta mqabbla mas-snin preċedenti, aktar studenti kisbu Livell tal-MQF fil-11-il Sena. Fil-passat, dawn l-istudenti kienu jispiċċaw mill-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ebda ċertifikazzjoni rikonoxxuta. Ta’ inkoraġġiment partikolari hija ż-żieda f’dawk l-istudenti li laħqu l-ogħla livell - MQF Livell 3. Il-Livell tal-MQF miksub fl-SSQ&P jiġi ddeterminat mir-riżultati miksuba fl-Eżamijiet Annwali tal-11-il Sena, flimkien mar-riżultati tal-assessjar kontinwu fl-iskejjel u tal-attivitajiet mhux formali.

Dwar dan ir-riżultat il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-innovazzjoni Clifton Grima rringrazzja lill-edukaturi kollha madwar Malta u Għawdex għall-isforzi bla heda u l-impenn tagħhom. Huwa qal li: “Dawn ir-riżultati jaffermaw mill-ġdid ir-reżiljenza tas-sistema edukattiva tagħna u l-isforzi tal-għalliema tagħna biex jgħollu l-istandards.”

Il-Ministru Grima qal ukoll li dan ir-riżultat jirrifletti dak li hemm fil-Viżjoni Malta 2050, li s-suċċess bħala pajjiż jiġi permezz ta’ aktar valur fost oħrajn fl-edukazzjoni. “Qed naħdmu biex naraw li dak li hemm fil-Viżjoni Malta 2050 nilħquh. Fl-Edukazzjoni, Malta se twettaq riforma komprensiva tal-kurrikulu biex l-istudenti jkunu mgħammrin b’mod aħjar bil-ħiliet li għandhom bżonn f’dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel. Dan jinkludi enfasi qawwija fuq is-suġġetti STEM kif ukoll l-allinjament aħjar tal-perkorsi vokazzjonali mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-setturi emerġenti,” fakkar il-Ministru Clifton Grima.

Dan it-titjib jikkonferma mill-ġdid ir-riżultati inkoraġġanti miksuba minn Malta fl-aktar studju reċenti tax-Xejriet fl-Istudju Internazzjonali dwar il-Matematika u x-Xjenza (TIMSS), li jenfasizza l-progress sinifikanti tal-istudenti Maltin meta mqabbla mal-pari internazzjonali tagħhom. Biex jinżamm dan il-momentum pożittiv, hemm bżonn ta’ sforz kontinwu u kollettiv biex jiġi żgurat li kull student ikollu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu. Bħala parti minn dan l-isforz, qed jiġi ppjanat aktar xogħol b’approċċ preventiv fil-qasam tal-litteriżmu u tan-numeriżmu matul is-snin bikrin, bil-għan li jissaħħu l-kompetenzi bażi mil-bidu nett. 

Permezz tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni, nibqgħu impenjati bis-sħiħ biex nittrasformaw il-kurrikulu permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-edukaturi, il-ġenituri, l-istudenti, u l-partijiet ikkonċernati, filwaqt li niżguraw sistema tal-edukazzjoni dinamika u inklużiva li ma teskludi lil ħadd.

"Dan il-progress mhuwiex kumbinazzjoni, huwa r-riżultat ta’ tagħlim iffukat, ta’ ppjanar tal-kurrikulu effettiv, u, b’mod importanti, tat-tisħiħ tal-prattiki tal-assessjar kontinwu fl-iskejjel. Dan l-assessjar ikompli jipprovdi rifless komprensiv, ġust, u sinifikattiv tal-kompetenzi tal-istudenti, filwaqt li jħeġġeġ kemm it-tagħlim kontinwu kif ukoll l-iżvilupp personali,” qal il-ministru.

Din id-direzzjoni strateġika tinkludi wkoll investiment kontinwu fil-programmi STEM u VET biex l-istudenti jkunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa f’ekonomija moderna u li qed tevolvi. Fl-istess ħin, il-Ministeru qed jagħmel użu minn strateġiji u programmi differenti, bħall-Family Community School Link, biex jindirizza lil dawk l-istudenti li għadhom qed jiffaċċjaw l-isfidi.

Filwaqt li jħares ’il quddiem, il-ministeru jibqa’ impenjat biex ikompli jappoġġja lill-professjoni tal-għalliema permezz tal-iżvilupp professjonali kontinwu, ir-riżorsi aġġornati, u l-investiment.

Hekk kif l-iskejjel qed jippreparaw għal vaganzi tas-sajf tant mistħoqqa, il-Ministru Grima kkonkluda b’messaġġ ta’ ringrazzjament u ottimiżmu. “Grazzi tal-ħidma intensiva tagħkom, tal-kompassjoni tagħkom, u tal-impatt li tħallu. L-istudenti ta’ Malta qed jiksbu aktar bis-saħħa tagħkom. Flimkien, inkomplu nibnu sistema tal-edukazzjoni li lkoll nistgħu nkunu kburin biha".

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow