STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jintlaħqu diversi miri tal-inizjattiva Reshaping our Mobility
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar kif fl-ewwel tlett xhur minn meta tħabbru l-miżuri tal-inizjattiva Reshaping our Mobility, diġà intlaħqu diversi miri.
Fl-ewwel tliet xhur:
• Ġew iffirmati numru ta’ ftehimiet biex xogħlijiet ta’ tindif, manutenzjoni fit-toroq u road markings isiru barra l-peak hours. Dawn il-ħinijiet huma bejn is-6am u d-9am u bejn it-3pm u s-7pm matul il-ġimgħa, u bejn id-9am u s-1pm nhar ta' Sibt.
• Is-servizz tal-linja ġie estiż għaż-żoni industrijali b’riżultati tajbin diġà fejn kien hemm żidiet fin-numru ta’ passiġġieri, hekk kif s’issa saru madwar 16,000 vjaġġ permezz ta' dawn ir-rotot. Sar ukoll titjib fuq numru ta’ rotot filwaqt li żdiedet il-frekwenza ta’ dawk l-aktar popolari. Dan filwaqt li fil-jiem li ġejjin, f’Raħal Ġdid se jingħata bidu għal Park and Ride ġdid, filwaqt li se jkun hemm ukoll servizz ta’ circular bus bejn Raħal Ġdid u Ħaż-Żebbuġ u ieħor għas-Siġġiewi.
• Daħlet fis-seħħ l-iskema ta’ cash grant għall-muturi li tinkludi dawk bil-petrol flimkien ma’ skema ta’ scrappage għal vetturi antiki, miżura li saret qabel iż-żmien previst. Dan filwaqt li fil-jiem li ġejjin il-gvern se jniedi l-istrateġija nazzjonali taċ-ċikliżmu. Fl-istess żmien, se tinħareġ ukoll espressjoni t’interess b’rabta ma’ soluzzjonijiet diġitali u innovattiva għal parkeġġ. Ser tidħol fis-seħħ ukoll ir-riforma tal-karozzi antiki li ser itejjeb il-kriterji mingħajr ebda tibdil fis-snin meħtieġa.
Il-Ministru Bonett spjega kif dawn il-miżuri kollha flimkien għandhom l-għan li jtejjbu l-użu tal-infrastruttura u l-mod ta’ kif wieħed jivvjaġġa. “Bħala gvern qegħdin naħdmu biex noffru inċentivi u alternattivi validi biex ikun hemm bidla fil-mentalità biex aktar nies jagħmlu użu minn mezzi ta’ trasport alternattivi. Fil-ġimgħat u xhur li ġejjin ser inkomplu nibnu fuq il-ħafna xogħol li diġà sar biex nilħqu t-tragward tagħna li nimplimentaw il-miżuri kollha fiż-żmien stipulat,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Fit-tielet kwart tas-sena, il-gvern ser imexxi b’eżempju u jibda joffri s-servizzi pubbliċi wara l-peak hours, filwaqt li ser isir studju dwar cargo ferry li jgħaqqad il-Freeport u Kordin għall-merkanzija lejn Għawdex. Il-gvern qed jaħdem fuq green traffic policy biex dipartimenti tal-istat ikollhom pjan ta’ vjaġġar aktar nadif u alternattiv.
Din il-konferenza saret flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN