Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT: Malta tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha favur l-aċċessibilità

pr251167
Date Icon 30/06/2025

Jidħol fis-seħħ l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità

Malta, flimkien ma' Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, qed tiċċelebra mument storiku hekk kif l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità (EAA) uffiċjalment daħal fis-seħħ. Din id-Direttiva hija pilastru fundamentali kemm fl-Istrateġija tal-UE għall-2021–2030 dwar id-Diżabilità kif ukoll fl-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabilità ta' Malta.

Dan spjegatu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.

Iż-żewġ strateġiji huma mmirati lejn l-istess għan, dak li jiżguraw li prodotti u servizzi essenzjali, bħal dawk fis-setturi bankarji, tal-informatika, tat-telekomunikazzjoni, tal-kummerċ elettroniku u tat-trasport, ikunu aċċessibbli għal kulħadd, inkluż għal persuni b'diżabilità. Malta tibqa' kommessa bis-sħiħ biex tilħaq l-għanijiet ta' din id-Direttiva.

Id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) fi ħdan il-Ministeru, mexxa n-negozjati nazzjonali mal-UE u kien responsabbli għall-abbozzar tal-Linji Gwida u l-bidliet leġiżlattivi meħtieġa sabiex id-Direttiva tidħol fis-seħħ f'pajjiżna.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) se taġixxi bħala l-Awtorità tas-Sorveljanza tas-Suq skont il-provedimenti tal-Att. Sabiex twettaq dan ir-rwol b'mod effettiv, is-CRPD iffirmat ftehim ma' entitajiet ewlenin bħal Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA) u l-Malta Communications Authority (MCA). Il-Kummissjoni se tassumi rwol ta' gwida u appoġġ, aktar milli wieħed punittiv.

Il-Kummissjoni se taħdem id f'id mal-komunità tan-negozju u partijiet interessati oħra sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva. Il-partijiet kollha huma mħeġġa jidħlu f'djalogu kostruttiv mas-CRPD biex jiżguraw konformità u jrawmu suq aktar inklussiv.

Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att, il-Ministeru kellu sessjonijiet ta' konsultazzjoni ma' diversi stakeholders, fosthom il-Malta Business Disability Forum, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera, Transport Malta u l-industrija tal-gaming permezz tal-Awtorità Maltija għal-Logħob. Wieħed mill-eżempji pożittivi hu s-settur bankarju, li diġà beda jintegra l-istandards tal-aċċessibilità – inkluż titjib fl-ATMs u fis-servizz tal-konsumatur – biex jagħti aċċess ugwali lir-residenti kollha f'Malta u f'Għawdex.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif l-implimentazzjoni ta' dan l-Att huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba u t-tisħiħ tal-inklużjoni mhux biss f'pajjiżna iżda anke fuq livell Ewropew. “F'din l-okkażjoni, irridu ngħaddu messaġġ ċar: l-aċċessibilità mhijiex biss obbligu legali – hija dritt fundamentali. Meta kellna f'idejna l-Presidenza tal-UE tajna prijorità lil din id-Direttiva, u llum, bl-implimentazzjoni tagħha, qed inkomplu mmexxu bl-eżempju."

Għal aktar informazzjoni dwar l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità u l-isforzi ta' implimentazzjoni ta' Malta jista' jsir kuntatt mad-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) fuq ddi@gov.mt jew mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), fuq helpdesk@crpd.org.mt, jew permezz ta' telefonata fuq 22267600 jew 79788555.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow