STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU 13-il bajja jirċievu l-Blue Flag
Ċertifikazzjoni ta’ fama mondjali li tikkonferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta lejn it-turiżmu sostenibbli
Għaxar bajjiet f’Malta u tliet bajjiet f’Għawdex irċevew il-Blue Flag (Bandiera Blu) 2025, ċertifikazzjoni ekoloġika prestiġjużi li tikkonferma li laħqu standards għolja fl-immaniġġjar tagħhom, fl-edukazzjoni ambjentali, sigurezza, kwalità tal-ilma u servizzi relatati.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, flimkien mal-President ta’ Nature Trust – FEE Malta, Vincent Attard u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), Carlo Micallef, ħabbru l-bajjiet li kisbu din iċ-ċertifikazzjoni waqt attività fil-Bajja tal-Mixquqa (Golden Bay), din il-ġimgħa.
Dan ir-rikonoxximent internazzjonali, li jingħata mill-Foundation for Environmental Education (FEE), jitmexxa lokalment minn Nature Trust – FEE Malta. Sabiex bajja tikkwalifika għall-Blue Flag trid tilħaq aktar minn 30 kriterju b’rabta mal-kundizzjonijiet ambjentali, l-edukazzjoni, is-sigurezza u anke l-aċċessibilità.
It-13-il bajja li ngħataw il-Blue Flag din is-sena huma:
• Il-Bajja tal-Mellieħa, il-Mellieħa
• Il-Bajja tal-Mixquqa, il-Mellieħa
• Il-bajja tal-lukanda Paradise Bay Resort, il-Mellieħa (bajja mmexxija privatament)
• Il-Bajja t’Għajn Tuffieħa, l-Imġarr
• Ħondoq ir-Rummien, il-Qala
• Fond Għadir, Ta’ Sliema
• Il-Fajtata, Marsaskala
• Il-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan
• Il-bajja tal-lukanda Westin Dragonara Resort, San Ġiljan (bajja mmexxija privatament)
• Il-Bajja ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar
• Il-Ponta tal-Qawra, San Pawl il-Baħar
• Ir-Ramla l-Ħamra, ix-Xagħra
• Marsalforn, iż-Żebbuġ, Għawdex
Barra minn hekk, il-Bajja tax-Xwejni f’Iż-Żebbuġ, Għawdex, ġiet rikonoxxuta bħala Beach of Quality, li jfisser li laħqet ħafna mill-kriterji applikabbli u tinsab qrib li tikseb il-Blue Flag ukoll.
Ħlief għaż-żewġ bajjiet immexxija privatament minn lukandi, ix-xtajtiet Blue Flag kollha f’Malta u Għawdex huma mmexxija mill-MTA u mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar rispettivament.
L-għaxar bajjiet f’Malta ġew ippreżentati bil-Blue Flag tagħhom għall-istaġun tas-sajf 2025 waqt l-attività li saret din il-ġimgħa fil-Bajja tal-Mixquqa. Fil-bidu tal-preżentazzjoni, Evie, fekruna li kienet salvata mill-baħar, reġgħet inħelset lura fl-ambjent naturali tagħha wara kważi sena fil-Wildlife Rehabilitation Centre ta’ Nature Trust, fejn ingħatat kura għal feriti minn sunnara. Il-familja li sabet il-fekruna midruba fil-baħar f’Awwissu li għadda ukoll ħadet sehem f’din l-attività.
“Il-Blue Flag mhijiex biss simbolu – hija riflessjoni tal-impenn tagħna biex inħarsu s-sbuħija naturali tal-ibħra tagħna, filwaqt li noffru esperjenza sigura u ta’ kwalità kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti,” qal id-Deputat Prim Ministru Borg, hekk kif żied li, “dan ir-riżultat juri kif diversi entitajiet jistgħu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li t-turiżmu u l-attivitajiet max-xatt jitjiebu u jissaħħu biex jipprovdu esperjenza ta’ kwalità ogħla filwaqt li tingħata prijorità lill-ħarsien ambjentali.”
Is-Sur Attard spjega l-kriterji stretti u l-isforzi ambjentali meħtieġa biex tinkiseb din iċ-ċertifikazzjoni, filwaqt li s-Sur Micallef faħħar lill-ħaddiema, entitajiet pubbliċi u kumpaniji privati involuti fit-tmexxija u l-operat ta’ dawn ix-xtajtiet, għad-dedikazzjoni meħtieġa biex jgħollu l-istandards ta’ kwalità, sigurezza u sostenibbiltà tagħhom.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN