STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Imwettqa 319-il proġett infrastrutturali fl-aħħar sena biss
Fl-aħħar sena twettqu 319-il proġett infrastrutturali f’Malta. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett fejn elenka numru ta’ xogħlijiet li twettqu b’investiment t’aktar minn €50 miljun u li flimkien ikopru aktar minn 360,000 metru kwadru ta’ toroq, ekwivalenti għal aktar minn 50 grawnd tal-futbol. Dawn il-proġetti kienu jinkludu xogħol ta’ manutenzjoni, bini mil-ġdid ta’ toroq, titjib fis-servizzi kif ukoll titjib fl-aċċess għal żoni rurali.
Il-Ministru Bonett qal li l-infrastruttura u t-toroq ta’ pajjiżna huma suġġett importanti għaliex minnhom jagħmel użu kulħadd biex jiċċaqlaq minn post għal ieħor. Huwa qal li dan ix-xogħol fl-aħħar sena ġab titjib tanġibbli fil-ħajja taċ-ċittadini.
Il-Ministru Bonett spjega, “Matul l-aħħar sena, sar titjib fil-komunikazzjoni mal-pubbliku għaliex nifhmu li ċertu proġetti jistgħu jwasslu għal xi livell ta’ inkonvenjent, però kif qed naraw fl-Imsida Creek, permezz ta’ komunikazzjoni ċara flimkien ma’ ħafna xogħol preparatorju, dan jista’ jitnaqqas ħafna għal-benefiċċju ta’ kulħadd.” Huwa ħabbar ukoll li ġie ffirmat ftehim biex xogħlijiet ta’ żebgħa ta’ sinjali fit-toroq jibdew isiru f’off-peak hours, miżura oħra mwettqa mill-pjan ‘Reshaping our Mobility’ bl-għan li titjieb l-użu tal-infrastruttura preżenti.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul irringrazzja lil dawk kollha li kkontribwew biex intlaħqu dawn il-miri, b’mod partikolari lill-ħaddiema ta’ Infrastructure Malta, Transport Malta, Enemalta u l-Kunsilli Lokali. “Se nkomplu nimxu ’l quddiem b’rispett sħiħ lejn il-komunitajiet u ta’ kuljum naħdmu fosthom biex intejbu l-infrastruttura ta’ pajjiżna,” temm jgħid Steve Ellul.
Dan ix-xogħol jikkumplimenta proġetti oħra li ġew imnedija u li fuqhom għaddej ix-xogħol bħalissa. Fost dawn hemm il-proġetti ta’ Vjal Kulħadd li jiffurmaw parti minn pjan usa’ biex it-toroq joffru spazju sigur, aċċessibbli u utli għal kulħadd, kemm għal min juża vettura kif ukoll għal min jimxi jew juża r-rota.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN