STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministru Attard jilqa’ membri ġodda fl-MCCM u jikkonferma l-impenn għal qafas regolatorju aktar professjonali
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tenna l-impenn tiegħu għal aktar ħidma u professjonalità fis-settur tal-kostruzzjoni waqt attività organizzata mill-Malta Chamber of Construction Management (MCCM).
“Il-preżenza tagħkom hawnhekk hija konferma tal-progress ċar li sar fl-aħħar xhur. It-tibdil fl-istatut u l-preżentazzjoni tal-lum għal aktar membri hija sinjal ċar ta’ organizzazzjoni li qed tiżviluppa b’direzzjoni u bi skop ċar,” beda biex jgħid il-Ministru Attard.
Il-Ministru laqa’ wkoll il-kollaborazzjoni li qed tikber bejn l-MCCM u istituzzjonijiet bħall-Università ta’ Malta, Infrastructure Malta, BOV, u Daaa Haus, li juru impenn komuni għal tmexxija strutturata u professjonali f’settur li kulma jmur qiegħed jimxi lejn standards ogħla fejn jidħol l-ambjent mibni.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Ministru Attard elenka numru ta’ riformi li jamalgamaw tajjeb ma’ din il-ħidma lejn standards ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni. Fost dawn hija kruċjali dik li titratta l-introduzzjoni tal-Kodiċi tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Il-Ministru Attard fakkar fil-ftehim bejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), il-Kamra tal-Periti (KTP) u partijiet interessati oħra li se jkun qed iwitti t-triq għall-ewwel Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, inkluż l-MCCM.
Dawn se jkunu maqsumin fi 23 kodiċi – 17 relatati mal-bini u 6 mal-proċess tal-kostruzzjoni – u se jkunu qegħdin jiddaħħlu b’mod gradwali fuq tliet snin. Dawn il-kodiċi se jservu ta’ pedament għal sistema ġdida u aktar stretta ta’ liċenzjar għall-professjonisti u l-operaturi fis-settur.
Dr Attard tkellem ukoll dwar ir-rikonoxximent tal-project managers fil-kostruzzjoni, fejn qal li l-Ministeru jinsab f’fażi avvanzata ta’ konsultazzjoni sabiex jinħoloq qafas legali li jirrikonoxxi formalment din il-professjoni.
Min-naħa tiegħu Andrei Cachia, President tal-MCCM, tenna diversi kisbiet li riċentament saru għall-Kamra fost l-oħrajn b’vot b’saħħtu għall-istatut il-ġdid. “Bl-appoġġ sħiħ tal-Kunsill u l-membri tal-MCCM, daħħalna tibdil meqjus u importanti fl-istatut, li ġie approvat b’mod kważi unanimu u li għandu l-għan mhux biss li jsaħħaħ l-operat tal-MCCM, iżda wkoll il-ħidma li twettaq l-istess Kamra,” qal is-Sur Cachia.
Huwa introduċa wkoll lill-membri ġodda li ngħaqdu individwalment kif ukoll dawk li daħlu permezz tal-kumpaniji affiljati mal-Kamra fejn irrikonoxxa wkoll il-preżenza ta’ grupp ta’ studenti kemm mill-Università ta’ Malta kif ukoll mill-MCAST, li bħalissa qed isegwu l-istudji tagħhom fis-settur.
Huwa ta wkoll merħba speċjali lill-Professur Rebecca Dalli Gonzi, Kap tad-Dipartiment tal-Ġestjoni tal-Kostruzzjoni u l-Proprjetà fi ħdan il-Fakultà tal-Ambjent Mibni fl-Università ta’ Malta. Dan hekk kif il-Professur Dalli Gonzi riċentement kisbet l-approvazzjoni biex tniedi l-ewwel Diploma fil-Ġestjoni tal-Kostruzzjoni mill-Università, inizjattiva li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).
Fost dawk preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni l-Perit Roderick Bonnici.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN