STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Imnedija konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Nazzjonali dwar il-Konsum tal-Alkoħol
Il-Gvern nieda għall-konsultazzjoni pubblika l-Politika Nazzjonali dwar il-Konsum tal-Alkoħol. Id-dokument jinkludi fih diversi proposti u huwa maqsum fi tliet partijiet ewlenin. L-ewwel prijorità hi li titnaqqas l-aċċettabbiltà, l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà tal-alkoħol. Il-konsultazzjoni ser tibqa’ miftuħa għal ħames ġimgħat, sal-31 ta’ Lulju.
It-tnedija saret mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn stqarr li din il-konsultazzjoni ser tkun miftuħa għas-suġġerimenti ta’ kulħadd, kemm professjonisti fis-suġġett u anke l-poplu inġenerali.
Il-Ministru Michael Falzon enfasizza dwar il-bżonn ta’ bidla kulturali, fejn il-konsum tax-xorb ma jkunx wieħed normalizzat għaliex jista’ jħalli impatti ferm negattivi minn aspetti bijo-psiko-soċjali. “Irridu nuru li l-konsum tal-alkoħol mhuwiex parti normali mill-kultura tagħna, u dan irridu nagħmluh permezz t’aktar għarfien inkluż fl-iskejjel u anke fuq il-postijiet tax-xogħol,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-prijoritajiet ta’ din il-politika jduru mal-promozzjoni ta’ kultura ta’ responsabbiltà fost il-pubbliku, sabiex jitnaqqas l-użu tal-alkoħol f’postijiet partikolari, b’enfasi fuq dawk li huma frekwentati mit-tfal u ż-żgħażagħ. Hemm ukoll il-ħtieġa li s-sidien u l-persuni li jservu prodotti alkoħoliċi jingħataw taħriġ obbligatorju fil-ħwienet li għandhom liċenzja biex ibigħu l-alkoħol.
It-tieni parti tal-politika tiffoka fuq il-ħsarat relatati mal-użu tal-alkoħol. Fost dawn hemm il-ħsara fuq is-saħħa tal-individwi li jużaw l-alkoħol, kif ukoll ħsarat oħra bħall-vjolenza domestika u inċidenti relatati mas-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol. Qiegħed jiġi propost ukoll li tiġi introdotta sistema ta’ screening dwar l-użu tal-alkoħol.
It-tielet parti tal-politika tindirizza kwistjonijiet trasversali ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-użu tal-alkoħol. Qiegħed jiġi propost li dan isir permezz tat-twaqqif ta’ Punt Fokali Nazzjonali dwar l-Alkoħol, li jkollu rwol ewlieni fil-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri kollha relatati.
Kull min jixtieq iħalli rakkomandazzjonijiet jista’ jagħmel dan fuq is-sit publicconsultation.gov.mt
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN