STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Project Silva Green Pathways: riabilitazzjonitaż-żoni t’afforestazzjoni fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb
Għaddej ġmielu x-xogħol ta' konservazzjoni u afforestazzjoni fl-Aħrax ta' Ġewwa fil-Mellieħa u l-Miżieb
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru x-xogħol fuq proġett ta' konservazzjoni u afforestazzjoni li għaddej f'żewġ żoni bħala parti mill-inizjattiva Project Silva Green Pathways.
Din l-inizjattiva minn Ambjent Malta, b'investiment ta' aktar minn €1 miljun, se tkopri medda ta' aktar minn 55,000m2 – id-daqs ta' 7 grawnds tal-futbol – fin-naħa ta' fuq ta' Malta.
L-isforzi ta' afforestazzjoni fis-snin sebgħin ittrasformaw dawn is-siti fi msaġar primarjament iddominati miż-Żnuber (Pinus halepensis) u jinsabu fil-viċinanzi ta' tliet siti natura 2000; fosthom l-inħawi tar-Ramla tat-Torri u tal-Irdum tal-Madonna, is-Simar u l-Wied tal-Miżieb.
Permezz ta' dan il-proġett Ambjent Malta se tkun qed tagħmel diversi interventi fl-Aħrax ta' Ġewwa fil-Mellieħa u l-Miżieb. Dawn jinkludu t-tqattigħ taż-Żnuber mejta u l-użu tal-materjal imqatta' bħala kompost, l-implimentazzjoni ta' miżuri biex jiġu kkontrollati s-siġar tal-Acacia spp., it-tħawwil ta' madwar 1,800 siġra indiġena ta' speċi differenti, u r-restawr ta' girna tal-ġebel.
Dawn l-interventi li huma ekoloġikament importanti se jgħinu biex jgħaqqdu s-siti ta' Natura 2000. Barra minn hekk, l-azzjonijiet se jgħinu biex jiżdied il-potenzjal tas-sit bħala rifuġju għall-ispeċijiet migratorji li dawn ser ikollhom aktar siġar u sorsi tal-ikel. Dan għaliex ser tiġi limitata l-invażjoni ta' pjanti invażivi u minflok il-bijodiversità nattiva se tiffjorixxi.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-impenn tal-Gvern favur ir-restawr ambjentali jinkludi tħawwil tas-siġar u ħolqien ta' spazji miftuħa ġodda kif ukoll protezzjoni tal-bijodiversità tagħna. “Nibqgħu impenjati li nikkonservaw iż-żoni naturali li għandna, noħolqu ekosistemi reżiljenti u b'saħħithom, nappoġġjaw il-bijodiversità u ntejbu l-kwalità tal-ħajja. Project Silva jirrifletti din il-viżjoni."
Min-naħa tiegħu l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta' kif il-fondi Ewropej jistgħu jintużaw b'mod strateġiku biex jiġu protetti u konservati żoni naturali b'valur għoli. “Proġetti bħal dan juru l-impenn ta' dan il-Gvern favur l-ambjent permezz ta' investimenti kontinwi. Il-kofinanzjament ta' 75% minn nefqa totali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, għen sabiex jitwettaq dan il-proġett ambizzjuż, li mhux biss se jsaħħaħ il-bijodiversità iżda wkoll joħloq spazji aħjar u isbaħ għall-pubbliku." Il-Ministru Zrinzo Azzopardi faħħar il-ħidma minn wara l-kwinti li qed isir biex dan il-Fond ikompli jsarraf f'aktar proġetti ambizzjużi favur l-ambjent rurali u naturali ta' Malta u Għawdex.
Preżenti wkoll kienu rappreżentanti minn Ambjent Malta, mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, u mill-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).
L-Uffiċjal Xjentifiku Ewlieni f'Ambjent Malta, Dr Alexander Borg Galea, stqarr, “Il-proġett Silva se jgħin biex itejjeb il-karatteristiċi tal-pajsaġġ viżiv u kulturali tas-sit. Permezz ta' dan il-proġett, għandna wkoll l-għan li nsaħħu s-sekwestru tal-karbonju taż-żona billi nżidu l-kopertura tas-siġar indiġeni fiż-żoni minn attwalment 8.5% għal 42%." Huwa żied jgħid li d-Dipartiment jibqa' impenjat li jaħdem flimkien mal-istakeholders lokali fil-qasam tal-ambjent, u jgħin fil-preservazzjoni, u r-restawr tal-bijodiversità lokali permezz ta' inizjattivi bħal dawn.
Kemm is-sit ta' L-Aħrax ta' Ġewwa (2020) kif ukoll is-sit tal-Miżieb (2019) sofrew minn nirien ikkawżati mill-bniedem li wasslu għall-qerda ta' ħabitats importanti u eluf ta' siġar maturi inklużi dawk taż-Żnuber. Dawn in-nirien wasslu wkoll għall-invażjoni akbar ta' Acacia spp. li kellha impatt negattiv fuq il-bijodiversità tas-siti. Għalhekk, kellu jsir xogħol preparatorju sinifikanti biex dan il-proġett jiġi implimentat.
Bħala parti mill-proġett, biex jitnaqqas ir-riskji ambjentali bħal dawk tan-nirien, Ambjent Malta se tkun qed tneħħi wkoll siġar mejta u tinstalla bords ta' informazzjoni sabiex tinforma lill-viżitaturi dwar kif jipprevjenu n-nirien u x'jista' jsir jekk ikun hemm nar.
Se jiġu installati wkoll sistemi effiċjenti ta' irrigazzjoni tal-ilma fiż-żoni, li se jgħinu biex itejbu l-karatteristiċi tal-ħamrija taż-żona, billi jtejbu ż-żamma tal-ilma fil-ħamrija.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN