STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Is-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi li spikkaw f’ħidmiethom
Ilbieraħ is-Sibt, 21 ta' Ġunju, f'ċerimonja li saret taħt il-patroċinju tal-President l-Eċċellenza Dr Myriam Spiteri Debono, ġew ippremjati uffiċjali pubbliċi li spikkaw f'ħidmiethom matul is-sena 2024.
Dan hekk kif għada t-23 ta' Ġunju jiġi mfakkar il-Jum Internazzjonali għas-Servizzi Pubbliċi mill-Ġnus Magħquda.
Fid-diskors tiegħu tal-okkażjoni, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li l-istampa kompluta tal-Amministrazzjoni Pubblika hija ikbar minn dik li jistgħu jaraw in-nies minn barra. “L-uffiċjali pubbliċi jridu jkunu huma stess li jirbħu r-rispett tas-soċjetà. Il-verità hi li l-parti l-kbira tal-impjegati tas-Servizz Pubbliku jiffaċċjaw sfidi reali waqt xogħolhom ta' kuljum u għandhom sehem importanti f'ħafna oqsma tas-soċjetà." Huwa temm l-indirizz tiegħu billi appella lill-uffiċjali pubbliċi sabiex ikunu dejjem kburin b'xogħolhom għax mhumiex qed jagħmlu xogħol biss imma qed jagħmlu differenza fil-ħajja tal-poplu ta' kuljum. Diffiċli timmaġina pajjiżna mingħajr il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku.
Ir-rikonoxximenti li ngħataw matul is-serata kienu dawn:
Il-Quality Award ingħata lil Servizzi Ewropej Malta (SEM) li kiseb l-aqwa riżultati f'termini ta' kwalità tas-servizz mogħti. Min-naħa l-oħra, ir-Reġistru Pubbliku ta' Identità, Ċentru Servizz Anzjani, National Literacy Agency u Victim Support Agency kisbu l-Quality Label.
Il-Best Practice in Good Governance Award ingħata lill-Malta Statistics Authority. Waqt audit li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ġie nnutat li din l-awtorità taħdem b'kontrolli interni u prattiċi sodi b'enfasi fuq il-kontabbiltà u t-trasparenza – prinċipji li jippromwovu governanza effettiva.
Il-Best Digital Solution ingħata lin-National Cybersecurity Steering Committee (NCSC) li jaqdi l-funzjoni ta' awtorità nazzjonali ġenerali għas-sigurtà ċibernetika, u għandu ħafna rwoli fosthom li jservi ta' punt ta' referenza għal kulħadd, ilaqqa' b'mod regolari partijiet interessati, jaġixxi bħala korp ta' governanza għall-Istrateġija Nazzjonali tas-Sigurtà Ċibernetika, u jiżgura l-implimentazzjoni tagħha, billi jidentifika u jassisti entitajiet varji. Il-Kumitat jipprovdi wkoll rispons kordinat għal inċidenti ta' cybersecurity u jilqa' fi ħdanu rappreżentanti minn Ministeri u Entitajiet varji.
Il-Climate Impact Award ingħata lill-Biċċerija Pubblika fid-dawl tal-isforzi kollha li saru f'dan il-post għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-inizjattivi kollha li saru. Fost oħrajn permezz ta' rimi mill-inqas ta' materjali fejn prodotti qed jintużaw għal skopijiet oħra. Fil-biċċerija ġiet installata sistema biex tiġġenera l-elettriku, kien irrestawrat torri storiku tal-ilma u ġiet installata sistema li tissorvelja l-konsum tal-enerġija.Apparti minn hekk ġie installat sterilizzatur tas-skieken UV fl-impjanti tat-tqattigħ biex jevitaw il-konsum tal-misħun u madwar 80% fil-konsum tal-enerġija, ittrasformaw is-sistema tat-tisħin tal-ilma tagħhom minn waħda bbażata fuq l-użu ta' żejt tal-fuel irqiq għal waħda ibrida, u użu ta' gass.
L-Inclusion Awardingħata lit-tim tal-Informatika tal-Malta Enterprise. Dan it-tim wettaq sforzi notevoli għall-ħolqien u ż-żamma ta' ambjent ta' xogħol inklussiv li jrawwem opportunitajiet indaqs għall-impjegati kollha. Permezz tal-ħidma kollaborattiva u d-dedikazzjoni tagħhom, huma wrew impenn qawwi biex iħaddnu d-diversità u jiżguraw li kull individwu jkollu l-appoġġ u l-opportunitajiet meħtieġa biex jirnexxi fi ħdan is-servizz pubbliku. Parti integrali minn dan it-tim, is-SurKurt Tonna, minkejja li ffaċċja sfidi personali, wera commitment eċċezzjonali hu stess fil-promozzjoni tal-inklużjoni u l-aċċessibilità.
Ir-Role Model Award ingħata lill-Kuntistabbli tal-Pulizija s-Sur Hertian Vassallo li jifforma parti mit-tim tal-community policing. Is-Sur Vassallo ġie deskritt bħala uffiċjal ta' integrità kbira, li jrawwem l-innovazzjoni, l-inklussività u l-ispirtu ta' tim kull fejn ikun. Huwa jirnexxilu wkoll jieħu ħsieb uffiċjali ġodda u jgħinhom fil-karriera tagħhom, kif ukoll jassumi rwol proattiv biex jiġu antiċipati sitwazzjonijiet iebsa. Il-kuntistabbli Vassallo jemmen u jipprattika bil-fatti il-kompassjoni fit-tmexxija, kif ukoll juri empatija u rieda soda fil-valuri soċjali.
L-Inspiring Social Responsibility Award ingħata lill-Family Community School Link fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni. L-FCSL hija inizjattiva fl-iskejjel li tlaqqa' flimkien familji, skejjel, u komunitajiet lokali. Il-programm jinkoraġġixxi parteċipazzjoni inklussiva, sħubijiet u kollaborazzjoni li twassal għal kambjamenti pożittivi on the long run. Dan il-programm twaqqaf f'Ottubru tas-sena l-oħra u madwar 105 ġenituri diġà bbenefikaw minn dan il-programm soċjali.
Il-Project of the Year ingħata lill-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) li fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. Il-MICAS qed jippermetti li Malta ssir attur proattiv fid-dinja tal-arti kontemporanja internazzjonali. Il-MICAS tfittex ukoll li tqajjem kuxjenza pubblika dwar is-sinifikat tal-arti viżiva fil-ħajja kontemporanja, u ġġib fuq quddiem nett il-mod kif l-arti u l-artisti jgħinu fl-interpretazzjoni tad-dinja li ngħixu fiha. Il-MICAS sar permezz ta' restawr tas-swar storiċi tal-Furjana u l-kumpless tal-Ospizjo li fi żmien il-Kavallieri kienet isservi bħala maħżen tal-porvli.
It-Team Recognition Award ingħata lit-tim tal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Turiżmu li kien wara l-organizzazzjoni tal-31 kunsill ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa li sar f'Malta. Il-kunsill ministerjali tal-OSCE ttella' bejn il-5 u s-6 ta' Diċembru tas-sena li għaddiet u laqqa' ministri tal-affarijiet barranin minn 57 pajjiż fosthom l-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ukrajna. Ġiet ikkordinata l-ħidma ta' madwar 600 uffiċjal pubbliku biex dan l-avveniment seta' jittella' daqstant b'suċċess! Apparti mill-ħidma kollha mwettqa f'Malta, sar xogħol siewi diplomatiku matul is-sena kollha permezz tar-rappreżentanza Maltija għal din l-Organizzazzjoni fi Vjenna. Ta' min isemmi wkoll li għall-avveniment li sar f'Malta kien hawn akkreditat mal-200 ġurnalist internazzjonali.
Matul is-serata ngħata wkoll ir-rikonoxximent Outstanding Effort Award mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana lid-Direttorat tal-Cancer Pathways tal-Isptar Sir Anthony Mamo. Is-servizzi tal-kura tal-kanċer f'pajjiżna jkopru l-vjaġġ kollu tal-pazjent – mill-ewwel suspett ta' kanċer, għad-dijanjosi, trattament, u riabilitazzjoni. Id-Direttorat Cancer Care Pathways, taħt l-awspiċji tad-Direttur Ġenerali tas-Servizzi tas-Saħħa, twaqqaf b'missjoni ċara: li jtejjeb kontinwament il-kura u l-esperjenza tal-pazjenti bil-kanċer f'Malta. Dan grazzi għal tim sħiħ multidixxiplinarju fi ħdan is-SAMOC – li jinkludi tobba, infermiera, professjonisti tal-allied health, staff tekniku, amministrattiv u dak tal-assigurazzjoni tal-kwalità – kollha jaħdmu b'dedikazzjoni sħiħa biex joffru kura tal-ogħla livell lill-pazjenti u l-familji tagħhom. F'dawn l-aħħar snin ġew introdotti bosta inizjattivi u servizzi innovattivi li komplew tejbu b'mod sinifikanti l-kwalità tal-kura u l-esperjenza tal-pazjenti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN