STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-Gozo Dream Yacht Racing Team se jipparteċipaw fit-tellieqa prestiġjuża The Aegean 600
Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għal darb’oħra qed jappoġġja lit-tim ta’ Gozo Dream Yacht Racing fil-parteċipazzjoni tagħhom f’tellieqa internazzjonali prestiġjuża, The Aegean 600, li se ssir fil-Greċja u tibda fis-6 ta’ Lulju 2025.
Din hija t-tielet sena konsekuttiva li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar qed jappoġġja lil dan it-tim, li jġorr il-logo ta’ Visit Gozo waqt kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ livell għoli.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li “din se tkun l-ewwel dgħajsa Għawdxija li se toħroġ lil hinn mill-ibħra tagħna biex tipparteċipa f’din it-tellieqa li toffri sfida lil kull min jipparteċipa fiha. Inħarsu ’l quddiem sabiex wara din it-tellieqa, niddiskutu l-possibbiltà li l-Gozo Dream Yacht Racing Team ikomplu jirrappreżentaw lil Għawdex f’iktar tlielaq internazzjonali, speċjalment f’dawk prestiġjużi li jsiru fil-Mediterran.”
Il-maġġoranza tal-crew tal-Gozo Dream jgħixu Għawdex u t-tim huwa magħmul minn:
* Skipper: Noel Grech;
* Co-Skippers: James Pave u Claudio Bugeja;
* Crew: Christopher Tabone, Matthew Grech, Mark Muscat, Jean Pierre Grech, Philippe Farchy u Paolo Farrugia.
Il-Ministru Camilleri fakkar li dan l-appoġġ tal-Ministeru lejn l-isport mhux limitat għal tlielaq marittimi biss. Fil-fatt, f’Lulju l-Ministeru se jkun qed jappoġġja għal darb’oħra kontinġent sportiv ieħor li se jieħu sehem fil-Logħob tal-Gżejjer Żgħar, bħala parti mill-impenn kontinwu biex jiġu promossi l-isport u l-atleti Għawdxin fuq livell internazzjonali.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm billi feraħ lit-tim ta’ Gozo Dream Yacht Racing u awguralhom kull suċċess għat-tellieqa The Aegean 600.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN