Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

PR251090
Date Icon 19/06/2025

Għall-ħames sena, b’investiment ta’ aktar minn €1 miljun se jingħata internet b’xejn lill-istudenti li komplew immedjatament wara Year 11 l-istudji postsekondarju tagħhom

B’investiment ta’ €1,031,400, l-istudenti li huma eliġibbli għal stipendju, u komplew jistudjaw immedjatament wara Year 11 (Form 5), fil-livell postsekondarju fi skejjel tal-gvern, dawk indipendenti u tal-knisja, u dawk vokazzjonali fl-MCAST u l-ITS se jgawdu minn internet b’xejn għal sena. L-istudenti eliġibbli huma dawk li spiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja fl-2024 u li komplew jistudjaw fis-sena akkademika 2024–2025.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt konferenza tal-aħbarijiet.

L-għajnuna se tingħata f’forma ta’ vawċers ta’ €300 li se jibdew jitqassmu f’nofs Lulju, u jkunu jistgħu jissarrfu sa nhar it-Tlieta, 30 ta’ Settembru 2025. Wara din id-data mhux se jkunu jistgħu jissarrfu aktar vawċers.

Il-Ministru Clifton Grima qal li din hija l-ħames sena li qed tkun implimentata din il-miżura, biex b’hekk s’issa sar investiment ta’ aktar minn €5 miljun li gawdew minnu ’l fuq minn 7,500 student u studenta. “Din il-miżura hija konferma oħra tal-impenn li għandu dan il-Gvern biex jinkoraġġixxi l-istudenti jkomplu għaddejjin bl-istudji tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja.”

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni se jġedded il-ftehim mat-tliet fornituri tas-servizzi tal-Internet sabiex jieħdu parti f’din l-inizjattiva u joffru l-aħjar pakkett ta’ internet on-the-go lill-istudenti. Madankollu l-istudenti jistgħu jagħżlu kwalunkwe skema tal-internet oħra li joffri l-fornitur ta’ servizzi tal-internet li jkunu għażlu. 

Il-Ministru Grima spjega li flimkien ma’ inizjattivi oħrajn, din il-miżura qiegħda tiġi addottata biex tgħin u tħeġġeġ aktar żgħażagħ ħalli jkomplu l-istudji tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja tagħhom.

Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella saħaq li, “Din l-iskema hija ħafna aktar minn sempliċiment internet b’xejn, imma li kull student ikollu opportunità ugwali biex jirnexxi. It-teknoloġija issa hija parti fundamentali mill-edukazzjoni, mhux lussu, u li nipprovdu aċċess għall-internet lill-istudenti qed niżguraw li ħadd ma jibqa’ lura. Huwa pass sempliċi iżda b’saħħtu lejn sistema edukattiva aktar inklussiva li tipprepara lill-istudenti għad-dinja diġitali.”

Iżjed informazzjoni dwar din l-inizjattiva tista’ tinkiseb billi l-istudenti jċemplu fuq il-linja 153 jew jibagħtu email fuq internetvouchers.meyr@gov.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow