Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Tittella’ s-6 edizzjoni ta’ The Malta Architecture and Spatial Planning Awards – eżempju ta’ eċċellenza u kreattività

PR251087
Date Icon 19/06/2025

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri indirizza ċ-Ċerimonja tas-6 edizzjoni ta' The Malta Architecture and Spatial Planning Awards fil-Kastell Verdala organizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-Patroċinju tal-President ta' Malta l-E.T. Myriam Spiteri Debono. L-MASP Awards jirrikonoxxu lil periti, disinjaturi interni, studenti universitarji, u kull persuna li tkun għamlet kontribut eċċellenti matul is-snin permezz ta' riċerka, edukazzjoni, teorija jew prattika tal-arkitettura u l-bini.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-Gvern jappoġġja inizjattivi bħal din li jgħollu l-livell ta' kreattività u jirrikonoxxu żvilupp sostenibbli u ta' kwalità li jmur id f'id mal-Viżjoni Malta 2050. Dawn il-premjijiet juru l-importanza li disinn tajjeb mhuwiex biss għażla, iżda komponent fundamentali u ewlieni tal-istrateġija nazzjonali tal-ippjanar, u l-pedament ta' tkabbir sostenibbli.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru enfasizza fuq l-importanza tal-konservazzjoni tal-bini u tkellem dwar l-impenn tal-Gvern lejn il-kwalità u r-riabilitazzjoni ta' bini storiku. Huwa fakkar, “Ftit ġimgħat ilu ħabbarna skema ġdida ta' €5 miljun immirata lejn ir-restawr ta' bini antik fir-Rabat, Għawdex. Din l-inizjattiva hija xhieda tad-dedikazzjoni tagħna biex inħarsu l-wirt arkitettoniku u niżguraw li dawn l-istrutturi storiċi jibqgħu jagħtu l-ħajja lill-ispazji urbani tagħna. Din l-iskema eventwalment se tiġi estiża għal rħula oħra f'Għawdex, u l-Awtorità tal-Ippjanar se toħroġ inizjattivi simili ta' restawr u rijabilitazzjoni madwar Malta kollha." Fil-fatt, huwa sostna li se jkunu qed jitħabbru aktar skemi fuq skala usa' sabiex jiġi kkonservat aktar bini antik.

L-E.T. il-President ta' Malta Myriam Spiteri Debono fissret din is-serata bħala rikonoxximent ta' periti li, waqt li jesprimu l-kreattività tagħhom, iħarsu u jippromwovu l-konservazzjoni u riabilitazzjoni ta' binjiet eżistenti, b'rispett lejn il-wirt arkitettoniku u naturali ta' pajjiżna. Il-President aċċennat l-importanza li jkun promoss żvilupp sostenibbli u jitrawwem approċċ ħolistiku u etiku li jagħti konsiderazzjoni xierqa lil diversi aspetti tal-ħajja tan-nies, fosthom is-saħħa fiżika, mentali u psikoloġika.

Waqt li rrikonoxxiet lill-Perit Joanna Spiteri Staines bil-President's Award, il-President innutat ukoll li dawn l-unuri jagħtu spazju xieraq ukoll lill-periti żgħażagħ, u ħeġġet il-parteċipazzjoni attiva tal-ġenerazzjoni żagħżugħa biex jitrawwem fihom sens ta' passjoni u dedikazzjoni biex jiġu protetti l-karatteristiċi tal-gżejjer Maltin, li fuqhom ibbażati l-pedamenti tal-wirt arkitettoniku Malti.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg, enfasizza li l-MASP Awards mhumiex biss ċelebrazzjoni tal-kisbiet tal-passat, iżda wkoll pjattaforma li tagħti direzzjoni u ispirazzjoni għall-futur tal-ippjanar u l-arkitettura f'Malta. Huwa qal li dawn il-premjijiet jirriflettu l-impenn tal-Awtorità li tippromwovi standards għoljin fid-disinn u fl-ippjanar, filwaqt li jħeġġeġ lil dawk kollha li jaħdmu f'dawn il-qasam biex ikomplu jinnovaw, jirrispettaw il-kuntest kulturali u naturali, u jikkontribwixxu għal ambjent mibni aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

F'dan il-kuntest, ġie mħabbar ukoll li mill-2025, il-MASP Awards se jiġu amalgamati mal-Galizia Awards, organizzat mill-Kamra tal-Periti. Din l-għaqda se toffri pjattaforma nazzjonali unifikata li tirrikonoxxi l-eċċellenza fid-disinn u l-arkitettura f'Malta, b'aktar viżibilità, impatt u sinerġija bejn l-istituzzjonijiet ewlenin tas-settur. L-għan hu li jissaħħaħ ir-rikonoxximent pubbliku lejn prattiki tajba, innovazzjoni u integrità professjonali fl-ippjanar u l-bini.

Iċ-Chairperson tal-Ġurija tal-MASP Helga Ellul irrimarkat li kien ta' unur kif ukoll responsabbiltà li sservi bħala Chairperson tal-MASP Awards. Is-sottomissjonijiet ta' din is-sena rriflettew professjoni mimlija kreattività u attenta ħafna għall-kwistjonijiet kurrenti ta' żmienna—mis-sostenibbiltà u l-wirt storiku, għal densità urbana, l-ispazji pubbliċi, u, l-aktar importanti, il-kwalità tal-ħajja.

L-MASP Awards huwa eżempju ħaj ta' kreattività u eċċellenza, għaliex iħeġġu u jesponu l-proġetti u l-individwi li qed jiffurmaw il-futur arkitettoniku ta' Malta.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jidħol fuq https://www.maspawards.com/

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Tittella’ s-6 edizzjoni ta’ The Malta Architecture and Spatial Planning Awards – eżempju ta’ eċċellenza u kreattività
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Tittella’ s-6 edizzjoni ta’ The Malta Architecture and Spatial Planning Awards – eżempju ta’ eċċellenza u kreattività
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Tittella’ s-6 edizzjoni ta’ The Malta Architecture and Spatial Planning Awards – eżempju ta’ eċċellenza u kreattività
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Tittella’ s-6 edizzjoni ta’ The Malta Architecture and Spatial Planning Awards – eżempju ta’ eċċellenza u kreattività
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow