STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D- DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Malta tospita l-laqgħa tal-Mediterranean Advisory Council tas-Sajd
“Malta tenfasizza l-ħtieġa ta’ livell ta’ kontroll ugwali fost il-pajjiżi, fejn il-bastimenti kollha li joperaw fl-istess ibħra għandhom ikunu soġġetti għall-istess livell ta’ sostenibbiltà u trasparenza, kemm jekk huma mill-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk huma minn pajjiżi terzi. Fil-fatt, grazzi għall-ħidma u l-ispezzjonijiet mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd diġà kellhom suċċess fil-Mediterran.”
Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said meta kienet qed tindirizza l-ftuħ tal-laqgħa tal-Mediterranean Advisory Council (MEDAC) li din is-sena qed issir f’Malta.
Għal din il-laqgħa qed jattendu esperti, rappreżentanti ta’ Stati Membri flimkien ma’ membri minn organizzazzjonijiet reġjonali u matulha qed jiġu diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet fil-qasam tas-sajd fir-reġjun Mediterranju.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said tkellmet dwar l-irwol kritiku li għandu l-Mediterran, mhux biss bħala reġjun ekoloġiku u soċjali, iżda wkoll bħala spazju li għandu pressjoni kbira minn sfidi bħal qbid żejjed ta’ ħut (overfishing), qbid illegali, tibdil fil-klima u telf tal-bijodiversità.
“Malta, bħala gżira żgħira b’riżorsi limitati, qed tieħu passi konkreti sabiex iżżid is-sorveljanza u tagħmel modernizzazzjoni tas-sistemi. Għall-kontroll effettiv madwar ir-reġjun, hu importanti li l-qsim tal-piż u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet iridu jkunu fiċ-ċentru tal-governanza tas-settur tas-sajd fl-Unjoni Ewropea. Dan jgħinna niżguraw livell aktar ugwali ta’ kompetizzjoni fil-Mediterran,” sostniet is-segretarju parlamentari.
Matul id-diskors tagħha, hija semmiet ukoll l-importanza ta’ rappreżentazzjoni wiesgħa tas-sajjieda. Qalet kif riċentement pajjiżna wettaq riforma fil-Bord Nazzjonali tas-Sajd sabiex ikun aktar inklussiv u jirrifletti l-vuċi tas-sajjieda. Is-segretarju parlamentari enfasizzat ukoll il-ħtieġa li l-politika tas-sajd tkun ibbażata fuq ġustizzja soċjali u ippjanar marittimu effettiv, filwaqt li rringrazzjat lill-MEDAC talli jibqa’ jkun l-vuċi tas-sajjieda.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN