STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Malta tiffirma dikjarazzjoni mressqa mill-WHO favur is-saħħa mentali
F'Pariġi fi Franza, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qed jattendi għall-Konferenza Reġjonali ta' Livell Għoli dwar is-Saħħa Mentali fejn matulha, f'isem Malta, iffirma d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi.
Waqt konferenza organizzata mir-Reġjun tal-Ewropa tal-WHO u l-Ministeru għas-Saħħa Franċiż, ġiet diskussa s-saħħa mentali u r-relevanza tagħha f'kull qasam u aspett tas-soċjetà. Erbatax-il Ministru Ewropew flimkien ma' rappreżentanti minn 30 pajjiż, ingħaqdu u ddiskutew pjanijiet għall-implimentazzjoni ta' diversi miżuri intersettorali bil-għan li tonqos l-istigma u s-silenzju li huma assoċjati ma' sfidi tas-saħħa mentali.
Fl-interventi tiegħu l-Ministru Jo Etienne Abela tkellem dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidji li ġiet imnedija riċentement għall-konsultazzjoni pubblika. Hu spjega kif din l-istrateġija tiġbor fiha sforzi ta' diversi Ministeri u rakkomandazzjonijiet minn 31 organizzazzjoni. Kompla billi qal kif din l-inizjattiva li saret b'kollaborazzjoni sħiħa mal-WHO, ser tkun qed tiġi imnedija wara li titlesta l-analiżi tal-feedback mill-pubbliku.
Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar il-mezzi soċjali u saħaq fuq l-importanza tagħhom biex iwasslu messaġġ ċar dwar għarfien fuq is-saħħa mentali u għarfien fuq l-għodod li hemm disponibbli biex jilqgħu għal din l-isfida. Huwa qal li dawn il-mezzi huma importanti biex iżidu l-għarfien dwar ir-riformi li qed jiġu mwettqa. Il-Ministru kkundanna l-abbuż tal-mezzi soċjali meta dawn jiġu użati biex tinxtered mibegħda u misinformazzjoni u tenna t-tħassib serju tiegħu dwar l-aċċess ta' dawn il-mezzi għat-tfal.
“Sodisfatt li permezz tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, pajjiżna se jkompli jirriforma s-servizzi ta' saħħa mentali fil-komunità. Inkompli nafferma li d-deċiżjoni tal-Gvern li jgħaqqad il-kura psikjatrika mal-kura fiżika fl-Isptar Mater Dei kienet id-deċiżjoni għaqlija," temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN