Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta tiffirma ftehim storiku biex tiftaħ uffiċċju tal-UNODC fiċ-Ċentru Globali Marittimu ġdid fil-Belt Valletta

pr251047
Date Icon 14/06/2025

Il-Gvern ta’ Malta ffirma ftehim għall-ftuħ ta’ Uffiċċju tal-UNODC fil-Belt Valletta, li se jopera b’mod indipendenti fi ħdan iċ-Ċentru Globali dwar il-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi ġdid ibbażat f’Malta.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, u d-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Droga u l-Kriminalità (UNODC), Ghada Waly, iffirmaw il-ftehim fi Vjenna, din il-ġimgħa. L-uffiċċju ġdid tal-UNODC se jappoġġja l-ħidma taċ-Ċentru Globali dwar il-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi (GCMSM), li l-Gvern Malti qed iniedi b’koperazzjoni ma’ Antigua u Barbuda fix-xhur li ġejjin.

Il-GCMSM, l-ewwel organizzazzjoni internazzjonali tax-xorta tagħha, huwa maħsub biex jappoġġja l-monitoraġġ immedjat tat-twettiq tas-sanzjonijiet marittimi, biex isaħħaħ l-integrità tar-reġistri marittimi u biex jikkonsolida l-għarfien fil-qasam marittimu. Fid-dawl ta’ dan, iċ-Ċentru qed iwieġeb għal nuqqas serju fl-infurzar marittimu globali, hekk kif se jappoġġja lill-istati tal-bandiera, speċjalment dawk b’reġistri miftuħa, sabiex jibnu l-għarfien u r-riżorsi meħtieġa biex jeżaminaw u jsegwu l-bastimenti, filwaqt li jiżguraw il-konformità tagħhom. Fl-istess waqt, se jtaffi wkoll l-isfidi tal-bdil minn bandiera għal oħra, l-evażjoni tas-sanzjonijiet marittimi u l-kriminalità transnazzjonali. 

Fi ħdan dan iċ-Ċentru, l-Uffiċċju tal-UNODC f’Malta se jservi bħala bażi dedikata sabiex twassal għajnuna teknika u taħriġ lill-istati tal-bandiera taħt il-proġett tal-Unjoni Ewropea MUSE. Dan jinkludi appoġġ fl-oqsma tal-identifikazzjoni tal-vapuri, fl-interdizzjoni, fit-twaqqif ta’ sistemi illeċiti u fil-prosekuzzjoni. Dan jirrifletti impenn kollettiv għat-tisħiħ tas-sigurtà marittima, is-saltna tad-dritt u l-kontabilità fl-ibħra internazzjonali. 

“Din l-inizzjattiva unika tgħaqqad flimkien it-teknoloġija, l-intelliġenza u l-iżvilupp ta’ għarfien u riżorsi. Grazzi għat-tmexxija ta’ Malta, bi sħab ma’ Antigua u Barbuda, kif ukoll għall-kollaborazzjoni tagħna mal-UNODC u l-UE, qed nixprunaw lill-amministrazzjonijiet marittimi sabiex jiskoraġġixxu vjolazzjonijiet tas-sanzjonijiet, filwaqt li jtejbu l-kontabilità fit-tbaħħir globali,” qal id-Deputat Prim Ministru Borg. 

Spjega wkoll li dan il-ftehim ifisser kisba kbira għal Malta bħala ċentru għall-koperazzjoni marittima internazzjonali, filwaqt li jkompli jikkonferma l-irwol tal-pajjiż fil-promozzjoni ta’ prattiċi ta’ reġistrazzjoni marittima responsabbli, bi strutturi ta’ infurzar globali aktar b’saħħithom, u b’aktar ħidma biex jingħelbu nuqqasijiet li ilhom għal ħafna żmien ixekklu l-governanza marittima. 

Filwaqt li qed jaħdem biex jibda jopera f’Novembru, il-GCMSM diġà qed jaħdem fuq diversi prioritajiet. Dan ix-xogħol huwa mibni fuq żewġ pilastri ewlenin, li jinkludu l-monitoraġġ tal-bastimenti u t-tixrid ta’ twissijiet relatati, kif ukoll ħidma biex ikun hemm skambju ta’ tagħrif bejn reġistri marittimi u ċentri oħra li jiġbru din l-informazzjoni.

Il-GCMSM se jgawdi wkoll minn sħubijiet ma’ inizzjattivi internazzjonali oħrajn, fosthom il-proġett tal-Unjoni Ewropea CRIMARIO, li jibbenefika mill-pjattaforma newtrali u sigura tal-iskambju tal-informazzjoni IORIS. Iċ-Ċentru se jfittex ukoll sinerġiji mar-Registry Information Sharing Compact (RISC), koalizzjoni ta’ reġistri marittimi li jaħdmu flimkien biex jegħlbu l-isfruttar ta’ governanza dgħajfa fost ir-reġistri marittimi permezz ta’ skambju ta’ tagħrif b’mod volontarju.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta tiffirma ftehim storiku biex tiftaħ uffiċċju tal-UNODC fiċ-Ċentru Globali Marittimu ġdid fil-Belt Valletta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow