STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI: Sal-aħħar ta’ Ġunju l-Awtorità tad-Djar se tqassam 6970 pagament lil first-time buyers
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes indirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha spjega kif matul dan ix-xahar iktar benefiċjarji se jkunu qegħdin jirċievu l-pagamenti tagħhom tal-iskema tal-first-time buyers.
Din l-iskema, immaniġġjata mill-Awtorità tad-Djar, qiegħda tħalli elf ewro fis-sena għal għaxar snin fil-bwiet tal-benefiċjarji, sabiex b’kollox il-benefiċjarji jkunu bbenefikaw minn għaxart elef ewro.
Il-ministru kompla jispjega li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, l-Awtorità tad-Djar se tkun għaddiet 6970 pagament u sostna li dan seta’ jkun possibbli bis-saħħa ta’ investiment ta’ iktar minn 6 miljun u nofs ewro.
Matul il-konferenza ġie spjegat kif fl-aħħar xhur kull min xtara l-ewwel proprjetà tiegħu fl-2024 ġie mħeġġeġ japplika għal din l-iskema sabiex ikun jista’ jirċievi l-pagament sa’ dan ix-xahar. Dawk li applikaw tard, xorta se jkunu qegħdin jirċievu l-pagament tagħhom, iżda ftit aktar tard sakemm l-applikazzjoni tagħhom tkun proċessata.
“Sabiex niżguraw li kulħadd ikollu opportunità ġusta japplika għal din l-iskema, se nagħtu l-aħħar ċans lil dawk il-ftit individwi li xtraw l-ewwel proprjetà tagħhom fl-2024 u għadhom ma applikawx, sabiex jagħmlu dan sal-aħħar ta’ Lulju 2025 u jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ewwel elf ewro ta’ din l-iskema,” sostna l-Ministru Roderick Galdes.
Il-ministru tkellem dwar id-differenza li din l-iskema qiegħda tagħmel fil-ħajja ta’ dawk li qegħdin jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. “Permezz ta’ dan l-investiment, qed ninvestu fil-ħajja tal-poplu tagħna, inkluż bosta żgħażagħ li jkunu qed jixtru l-ewwel residenza tagħhom. Għalhekk, permezz ta’ din l-iskema qegħdin ninvestu fil-futur taż-żgħażagħ tagħna sabiex niżguraw li kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet.”
Il-ministru ikkonkluda billi sostna li l-iskemi tal-Awtorità tad-Djar qed jgħinu persuni jsiru sid ta’ darhom u qed ikomplu jsaħħu l-‘purchasing power’ tal-familji Malti u Għawdxin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal: “Qegħdin inkunu ta’ sapport għall-first-time buyers b’mod olistiku, mhux biss permezz ta’ għajnuniet finanzjarji, imma anke permezz tal-portal firsthome.mt li jiggwida lill-familji pass pass f’dan il-vjaġġ importanti.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN