STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT: Tiftaħ il-ħames edizzjoni tal-konferenza 'L-istat tan-Nazzjon'
II-Ġimgħa filgħodu, fil-Kastell Verdala, infetħet il-ħames edizzjoni tal-konferenza 'L-istat tan-nazzjon', li din is-sena qed tiffoka fuq it-tema tal-edukazzjoni fis-sens wiesgħa tagħha.
L-istħarriġ ta' din is-sena, li sar mill-Professur Vincent Marmarà, sar fost 1,064 persuna li huma riflessjoni tas-soċjetà hekk kif jirriflettu ċittadini ta' età u sess differenti residenti madwar Malta u Għawdex.
Ir-riżultati joffru analiżi ta' diversi mistoqsijiet, fosthom il-kuntentizza tal-poplu, l-ippjanar tal-futur, l-importanza li ċ-ċittadini jagħtu lill-familja, ir-reliġjon u l-politika, kif ukoll suġġetti oħra bħall-aspett finanzjarju, id-drittijiet u l-kultura.
Fil-ftuħ tal-konferenza, l-Eċċellenza Tagħha l-President Myriam Spiteri Debono awgurat li d-diskussjoni prinċipali li se tkun qed tiffoka fuq it-tema tal-edukazzjoni tgħin sabiex ikollna kemm jista' jkun stampa wiesgħa ħalli l-edukazzjoni tissodisfa l-ħtieġa li pajjiżna jkollu ċittadini preparati, attivi, u fuq kollox denji li jkunu identifikati bħala Maltin.
Min-naħa tiegħu, il-Konsulent fil-Komunikazzjoni Strateġika Lou Bondi fisser kif waqt din il-konferenza, “se niddiskutu l-edukazzjoni fid-dinja tal-AI, ChatGPT, Google, il-midja soċjali u fruntieri ġodda oħra. Se niddiskutu x'ifisser li titgħallem kif titgħallem. Se nisimgħu mingħand persuni minn numru ta' oqsma differenti, kif ukoll mill-President, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-President tal-Parlament Ewropew. Fl-aħħar, u għalija żgur mhux l-inqas, se jindirizzaw il-konferenza l-istudenti stess, mill-iċken sa dawk li qegħdin fil-livell terzjarju. Ċert li dil-konferenza se tispira ħafna nies."
Waqt li ppreżenta r-riżultati tal-istħarriġ, il-Professur Marmará nnota li, “ir-riċerka ta' 'stat tan-nazzjon' turina b'mod ċar li n-nies jirrikonoxxu li l-aktar edukazzjoni importanti tiġi mill-familja, u l-inqas mill-midja soċjali. Dan huwa fatt. Iżda, hemm żbilanċ bejn dak li n-nies jemmnu u dak li jagħmlu? Tant kemm il-midja soċjali daħlet fil-ħajja tagħna li din qed tħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħin li jħalli xi forma ta' frott f'ħajjitna, fuq il-ħsieb kritiku tagħna u fuq kemm aħna kapaċi niffukaw. Dan huwa aspett li ta' min jinkwieta dwaru."
Matul il-ġurnata, il-konferenza 'L-istat tan-nazzjon' se tanalizza x-xejriet li joħorġu minn dan l-istħarriġ, waqt li diversi esperti fis-settur tal-edukazzjoni se jkunu qed jiddiskutu d-diversi mistoqsijiet li jqajjem dan l-istħarriġ waqt diversi panels ta' diskussjoni.
Ritratti: OPR
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN
PR250986c.pdf