STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAZAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Imniedi scholarship ġdid immirat għal studenti sportivi fil-livell post-sekondarju
Dalgħodu l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima nieda scholarship ġdid li huwa maħsub biex jappoġġja studenti li jsegwu kors post-sekondarju li jwassal għaċ-Ċertifikat tal-Matrikolazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin iwettqu taħriġ strutturat fid-dixxiplina sportiva tagħhom fil-Mediterranean College of Sport (MCS). L-iskema hija amministrata mill-Unit tal-Boroż ta' Studju fi ħdan il-Ministeru.
“Il-Ministeru huwa impenjat li jtejjeb u jwessa' s-sistema eżistenti ta' boroż ta' studju biex jappoġġja aktar studenti u jtaffi l-piż finanzjarju fuq il-familji u l-istudenti, speċjalment f'każijiet fejn l-istudenti jsegwu l-ambizzjonijiet akkademiċi tagħhom flimkien mal-qasam sportiv magħżul tagħhom," qal il-Ministru Clifton Grima. “Din l-iskema hija wkoll riflessjoni tal-Viżjoni Malta 2050 li tħares lejn pajjiż reżiljenti u sistema ta' edukazzjoni moderna, u tipprepara lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar permezz ta' sistema edukattiva moderna u li kapaċi tirrispondi għall-eżiġenzi li jinħolqu."
Huwa spjega li nħass il-bżonn li l-Ministeru jassisti studenti li jsegwu kors ta' Ċertifikat tal-Matrikolazzjoni post-sekondarju flimkien ma' programm sportiv ta' prestazzjoni għolja bbażat f'Malta. Sal-lum, l-unika istituzzjoni li toffri din il-mogħdija doppja hija l-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport (MCS), li se jservi bħala l-bażi ta' taħriġ għal dawk l-istudenti-atleti ta' prestazzjoni għolja li jimmiraw li jeċċellaw u jikkompetu fil-livell internazzjonali.
Din l-Iskema ta' Boroż ta' Studju ġiet stabbilita biex tiffinanzja l-miżati tat-tagħlim għal studenti eliġibbli li jattendu din l-istituzzjoni, li tkopri t-tagħlim kull sena għal perjodu ta' sentejn akkademiċi. L-iskema se tingħata lill-ewwel għoxrin (20) student eliġibbli fil-lista tal-klassifika finali.
L-istudenti li jlestu l-programm b'suċċess jingħataw ċertifikazzjoni fl-ispeċjalizzazzjoni sportiva tagħhom u ċ-Ċertifikat tal-Matrikolazzjoni.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella, spjega, “Bit-tnedija ta' skemi ta' boroż ta' studju, bħall-Achieve 360, il-Ministeru qed ikompli jenfasizza fuq l-impenn sħiħ tiegħu għat-trasformazzjoni fl-edukazzjoni. L-istudenti li jlestu l-programm b'suċċess se jingħataw ċertifikazzjoni fl-ispeċjalizzazzjoni sportiva tagħhom flimkien maċ-Ċertifikat tal-Matrikolazzjoni. L-operat ta' din il-borża ta' studju hija eżempju ċar ta' approċċ integrat kif is-servizz pubbliku u s-settur privat jistgħu jaħdmu flimkien biex joffru servizz ta' kwalità lill-istudenti."
Charlo Bonnici, Kap Eżekuttiv tal-Mediterranean College of Sport qal, “Huwa ta' unur għall-Mediterranean College of Sport li fi sħubija mal-Ministeru responsabbli mill-edukazzjoni u sport f'pajjiżna se toffri opportunità lil 20 żagħżugħ u żagħżugħa li jixtiequ jispeċjalizzaw fi sport filwaqt li jkomplu bl-istudju tagħhom f'livell ta' sixth form, ikunu jistgħu jagħmlu dan. Permezz ta' dawn l-ischolarships il-Gvern se jgħin ħafna lil numru ta' atleti fid-dixxiplini tal-futbol, waterpolo, għawm, għawm artistiku, żfin u karate biex ikunu jistgħu jkomplu l-vjaġġ edukattiv u sportiv tagħhom mingħajr diffikultajiet. Bħala istituzzjoni li nemmnu li kull student-atleta tagħna huwa 'proġett' fih innifsu, se jkun ta' pjaċir li nagħtu sehemna biex il-livell ġenerali tal-isport f'pajjiżna jkompli jikber u jagħti l-frott meħtieġ."
Il-Ministru Clifton Grima temm jgħid li l-ħidma f'dan is-settur qed twassal għat-tisħiħ tas-settur sportiv f'pajjiżna. Dan mhux biss iwassal għal rikonoxximent internazzjonali usa' b'benefiċċji ekonomiċi pożittivi imma jinkoraġġixxi wkoll il-prattika regolari tal-isport u l-attività fiżika madwar il-pajjiż li tirriżulta f'titjib ġenerali fis-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjoni kollha.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jiftħu fis-17 ta' Lulju u kull informazzjoni tinstab fis-sit myscholarship.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN