STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Malta tirratifika l-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-ċiberkriminalità
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard iffirma uffiċjalment ir-ratifika tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-ċiberkriminalità, li jindirizza l-kriminalizzazzjoni ta' atti ta' natura razzista u ksenofobika mwettqa permezz ta' sistemi tal-kompjuter.
Iċ-ċerimonja ta' ratifika saret fil-Palais de l'Europe ġewwa Strasburgu, bil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset. Dan il-mument jimmarka pass sinifikanti 'l quddiem fl-impenn kontinwu ta' Malta lejn il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem u s-salvagwardja tal-isfera diġitali.
Wara l-iffirmar, il-Ministru Jonathan Attard kellu laqgħa bilaterali mas-Segretarju Ġenerali fejn enfasizza li din ir-ratifika tirrifletti r-rieda soda ta' Malta li tiġġieled iċ-ċiberkriminalità f'kull forma tagħha, speċjalment meta tingħaqad mal-mibegħda u d-diskriminazzjoni. Huwa reġa' afferma t-twemmin ta' Malta fil-multilateraliżmu u s-sehem kollettiv ta' kulħadd biex jiġu protetti l-valuri fundamentali tal-ġustizzja u d-dinjità diġitali.
L-iffirmar sar fil-marġini tal-Konferenza Octopus dwar iċ-ċiberkriminalità 2025, li qed issir matul il-Presidenza Maltija tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tal-konferenza, il-ministru tenna l-appell ta' Malta għal kooperazzjoni internazzjonali kontra l-isfidi li qed jevolvu fil-qasam taċ-ċiberkriminalità.
“Din it-tip ta' kriminalità m'għadhiex theddida periferali – hija sfida globali, li qed tikber u ssir aktar kumplessa," qal Jonathan Attard. Huwa semma wkoll li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fil-Parlament Malti fuq abbozz ta' liġi li għandu l-għan li jikkriminalizza l-cyberstalking u l-cyberbullying, u li jipprovdi definizzjonijiet legali konkreti, protezzjoni msaħħa għal persuni vulnerabbli u pieni aktar iebsa.
Il-ministru semma wkoll l-isforzi li qed isiru biex jiġu indirizzati forom ġodda ta' kriminalità, fosthom it-teknoloġija deepfake, serq ta' identità, u attakki magħrufa bħala CEO fraud. Huwa sostna li dawn mhux biss jikkawżaw ħsara finanzjarja u reputazzjonali, iżda wkoll jipperikolaw il-fiduċja tan-nies fis-sistemi diġitali.
Malta qed issaħħaħ fil-kooperazzjoni tagħha ma' istituzzjonijiet internazzjonali bħall-INTERPOL, Europol u Eurojust, u qed tipparteċipa b'mod attiv fi pjattaformi ta' qsim ta' informazzjoni sigura bħas-SIENA. Il-liġijiet nazzjonali qed jiġu allinjati mad-direttivi tal-UE u strumenti tal-Kunsill tal-Ewropa sabiex Malta tkun tista' taġixxi b'ħeffa u skont il-liġi quddiem dan it-theddid bl-informatika.
Il-ministru rrikonoxxa wkoll il-kontribut kruċjali ta' istituzzjonijiet nazzjonali bħall-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (MITA), li tmexxi t-Team Nazzjonali ta' Rispons (CERT), is-Cybercrime Unite tal-Korp tal-Pulizija, u ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Koordinazzjoni tas-Cybersecurity (CNCC).
Aktar tard matul il-ġurnata, il-ministru indirizza s-Sessjoni Plenarja tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ), fejn faħħar is-sħubija fit-tul ta' Malta mal-istituzzjoni. Huwa rrikonoxxa r-rwol eċċellenti ta' Imħallef Francesco Depasquale, rappreżentant ta' Malta u President attwali tal-CEPEJ, bħala prova tal-impenn sod ta' Malta lejn ir-riforma ġudizzjarja u l-kooperazzjoni internazzjonali.
Huwa semma diversi inizjattivi konġunti mas-CEPEJ, fosthom proġetti ta' modernizzazzjoni diġitali tal-qrati u l-iżvilupp ta' strateġiji fl-uffiċċji tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat. Dawn il-kollaborazzjonijiet juru l-viżjoni ta' Malta għal sistema ġudizzjarja effiċjenti, aċċessibbli u moderna, allinjata mal-istandards Ewropej.
Preżenti kien hemm is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea u r-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għal-Kunsill tal-Ewropa, l-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN